Lokali

Il-Ministru jakkuża lill-foster careres… l-Assoċjazzjoni toġġezzjona

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Foster Care qed toġġezzjona bis-sħiħ ghal dak li qal il-Ministru ghall-Familja Michael Farrugia, fil-konfront tal-Foster Carers. Fi stqarrija l-Assocjazzjoni sostniet li jidher ċar li l-Ministru qed jallega li l-foster carers jagħmlu l-fostering għall-gwadan tal-flus.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Foster Care qalet li taqbel li titwaqqaf Aġenzija tal-Adozzjoni u l-Fostering u li għandu jkun eħfef u aktar faċli li ċertu tfal li ma jistgħux jirritornaw mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom jingħataw id-dritt li jkunu addottati.

L-Assocjazzjoni staqsiet xi flus qed jitkellem dwarhom il-Ministru meta kull minuri fostered hu allokat 10 euro kuljum iżda bla dubju kull foster carer jonfoq ħafna u ħafna aktar.

Rigward l-adozzjoni, l-assocjazzjoni qalet li l-Ministru ta l-impressjoni li bosta foster carers jirrifjutaw li jaddottaw lit-tfal li jkunu qed jiffosterjaw.

L-Assocjazzjoni sostniet li min jidħol għall- fostering mhux bilfors li jkollu f’moħħu li xi darba jista’ jaddotta lit-tfal li qed jiffosterja.

Madankollu kull meta jistaqsu dwar din il-possibiltà, l-awtoritajiet jgħidulhom li dan mhux possibli u li huma foster carers u mhux ġenituri addottivi.

Jirrizulta li l-Ministru akkuża lill-foster carers li jagħmlu minn kollox biex iwaqqfu lit-tfal fostered milli jżuru lill-ġenituri bijoloġiċi. Din hi akkuża serja ħafna u l-Assożjazzjoni toġġezzjona għaliha bis-sħiħ. Il-Ministru messu jaf li kull żjara li tintilef tkun mibdula b’data oħra jew il-ħin mitluf jiżdied mal-ħin taż-żjara li jkun imiss.

Il-Ministru messu jaf ukoll, sostniet l-Assocjazzjoni, li huma bosta l-ġenituri bijoloġiċi li ħafna drabi jikkanċellaw il-visti mat-tfal.

Skont il-Ministru, il-ġenituri bijoloġiċi jkunu lesti li jagħtu lil uliedhom għall-adozzjoni iżda jżommu lura għaliex jibżgħu li jistgħu ma jarawhom qatt aktar. L-Assoċjazzjoni tistaqsi kif il-Ministru wasal għal din il-konklużjoni.

L-Assoċjazzjoni ma taħsibx li l-Ministru qed ikun ta’ servizz għaċ-ċittadin meta jitkellem bil-mod kif qed jitkellem. Anzi bil-pożizzjoni tiegħu qed jipperikola s-Servizz tal-Foster Care, servizz li tant għandhom bżonnu tfal li m’għandhomx kenn ieħor lejn xhiex iduru.