Lokali

Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna li tintrefa’ r-responsabbiltà politika

L-iskandlu ta’ Strada Zekka tant huwa kbir li ġimgħatejn wara li ġiet żvelata l-ewwel storja f’The Sunday Times of Malta – x-xahar li għadda – stejjer u żviluppi ġodda dwar dan l-iskandlu għadhom jiddominaw il-faċċati ta’ quddiem tal-ġurnali lokali. Huwa evidenti li f’dan l-iskandlu hemm ħmieġ kbir, u għalhekk ma teżisti l-ebda għażla oħra ħlief li tintrefa’ r-responsabbiltà politika.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi nsista li dan l-iskandlu ma jistax jgħaddi mingħajr ma tintrefa’ r-responsabbiltà politika. Skont dak li ammetta Michael Falzon innifsu, kien hu li ffirma għal din il-ħanżirata. “Joseph Muscat u Michael Falzon għandhom jerfgħu r-responsabbiltà politika,” sostna Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi qal li tant kemm l-affarijiet f’dan l-iskandlu nħadmu b’mod premeditat, li huwa ovvju li dan l-iskandlu għandu riħa tinten ta’ korruzzjoni. “Għandek l-uffiċjali f’Kastilja jduru ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet, kumbinazzjoni Gaffarena xtara t-tieni kwart tal-binja fi Strada Zekka ftit ġimgħat qabel esproprjaha l-Gvern, l-artijiet li ngħataw lill-Gaffarena huma magħżula apposta, Michael Falzon iffirma l-proċess kollu. Dawn m’humiex kumbinazzjonijiet u għalhekk għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika,” qal Jason Azzopardi.

Ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli fakkret kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat biddel id-diska kemm-il darba f’dawn l-aħħar ġimgħatejn. L-ewwel reazzjoni ta’ Joseph Muscat u Michael Falzon kienet li huma ma kienux involuti f’dan l-iskandlu u li m’għandiex għalfejn issir investigazzjoni għax ma kien hemm ebda att kriminali biex isir profitt.

Wara li komplew joħorġu aktar intriċċi ta’ dan l-iskandlu, l-Gvern dawwar id-diska, u wara li l-Oppożizzjoni talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-iskandlu, l-Gvern ħareġ jgħid li jrid issir inkjesta interna dwar x’ġara u ma ġarax. “Jiġifieri minn verżjoni ta’ fejn ma jridux li ssir investigazzjoni, issa l-Gvern għażel li ssir inkjesta interna,” qalet Marthese Portelli. Hi reġgħet fakkret f’dak li qal id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela xahrejn ilu, jiġifieri li l-Partit Laburista lest jagħmel in-nies sinjuri bil-moħbi.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem tal-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura Ryan Callus qal li l-aħħar verżjoni tad-diska mibdula tal-Gvern hi li, filwaqt li fl-1 ta’ Ġunju, Michael Falzon qal li ma kienx involut, nhar il-Ħamis, fuq insistenza tal-Oppożizzjoni, kellu jammetti li kien hu li ffirma din l-esproprjazzjoni skandaluża. “Michael Falzon diġà nqabad jigdeb – l-ewwel qal li ma kienx involut u issa joħroġ li hu kien il-bniedem li ffirma,” qal Ryan Callus, filwaqt li insista li r-responsabbiltà politika għandha tintrefa’ minnufih.

Hu sostna li jidher ċar li l-Gvern jinsab dahru mal-ħajt. Hu fakkar li anke dwar l-investigazzjoni interna, l-Gvern biddel id-diska. “L-ewwel il-Gvern qal li se jagħmel investigazzjoni interna tal-IAID. Imbagħad l-Oppożizzjoni rrimarkat li l-inkjesta hija waħda interna u ma tiġix ippubblikata. Imbagħad kien il-ġurnal The Times li spjega kif biex jippubblika l-inkjesta, l-Gvern ikun qed jikser il-liġi. Imbagħad ħareġ jgħid li xorta se jippubblikaha. Allura għalfejn irid inkjesta interna u mhux iħalli lill-Awditur Ġenerali jinvestiga bil-kwiet?” temm jistaqsi Ryan Callus.