Kurżitajiet

Jolie, Pitt u wliedhom jivvjaġġaw ‘Economy’ bħall-passiġġieri l-oħra

Ftit passiġġieri, fit-taqsima Economy fuq titjira tal-Air France ftit jiem ilu, indunaw li fl-ewwel fillieri tat-taqsima tagħhom kien hemm tivvjaġġa l-familja Pitt-Jolie, Brad Pitt u martu Angelina Jolie flimkien mas-sitt ulied tagħhom.

Ritratti tal-familja tivvjaġġa bdew jiċċirkolaw fuq l-internet hekk kif ħafna kkummentaw li l-familja għażlet li ma tużax il-jet privat tagħha jew it-taqsima tal-Business Class fuq l-ajruplan imma li tivvjaġġa, kemm jista’ jkun, b’mod normali.

L-attriċi ta’ 40 sena u żewġha ta’ 51 sena, dehru jħallu l-ajruport ta’ Los Angeles flimkien ma’ Maddoxx, ta’ 13-il sena, Pax ta’ 11-il sena, Zahara ta’ 10 snin, Shiloh ta’ 9 snin, u t-twemin ta’ 6 snin Knox u Vivienne. Kienu jidhru bħal kull familja oħra normali, ħlief li forsi ftit numerużi, hekk kif imxew lejn iċ-check-in tal-ajruport imbagħad telgħu fuq l-ajruplan u dehru jerfgħu l-bagalji biex ipoġġuhom fil-kompartiment apposta.

Magħhom din id-darba ħadu biss babysitter wieħed, meta f’vaganza fil-Karribew fl-2012 kien ġie rrappurtat li kienu ħadu magħhom 12-il babysitter. Din id-darba wkoll ma’ ħadu magħhom ebda gwardja tas-sigurtà.

Il-familja użat l-Air France biex ivvjaġġat mill-Istati Uniti għal Pariġi, imbagħad għamlet waqfa ta’ sagħtejn fl-ajruport Charles de Gaule u ħadet titjira interna minn Pariġi lejn Nizza.

L-ispekulazzjoni hi li l-familja se tqatta’ jiem ta’ btala fid-dar kbira li l-koppja ilha tikri mill-2008, fejn soltu jmorru bil-jet privat. Il-villa hi l-istess waħda fejn il-koppja żżewġet is-sena li għaddiet, Château Miraval f’Correns.