Fid-dawl tal-kontroversja b’rabta mal-ħarsien tat-tfal inkluż il-fostering f’pajjiżna – li splodiet b’kummenti kontroversjali tal-Ministru Michael Farrugia mal-ġurnal The Times – l-Oppożizzjoni tinsisti li kull deċiżjoni li tittieħed f’dan il-qasam, għandha tittieħed fl-interess tat-tfal.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista f’ isem ix-Shadow Minister tal-Politika Paula Mifsud Bonniċi u l-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilita’ Robert Cutajar, saħaq li l-Oppożizzjoni rċeviet numru ta’ kummenti mingħand foster carers li jinsabu mħassba u mweġġa’ bid-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Michael Farrugia. F’dan id-dawl, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li kull tip ta’ deċiżjoni għandha tittieħed fl-interess uniku tat-tfal.
L-Oppożizzjoni tirrikonoxxi wkoll il-ħidma li jwettqu l-foster carers, u tappella lill-Gvern u li s-soċjetà biex tirrikonoxxi aktar l-impenn ta’ dawn il-familji. L-agħar ħaġa li jista’ jagħmel politiku f’dan is-settur hu li jieħu d-deċiżjonijiet mingħajr sensittività lejn l-individwi li jkunu qed jiġu affetwati.
Il-Partit Nazzjonalista kompla li huwa evidenti li minkejja li Michael Farrugia kien jifforma parti mill-istess Kabinett, jrid li jbiddel totalment l-abbozz ta’ liġi Child Protection (Out-of-Home-Care) Bill, li kienet abbozzat l-eks Ministru tal-Politika Soċjali Marie Louise Coleiro Preca, u li kien jidher li hemm kunsens dwaru, liema abbozz tħalla rieqed sena u nofs sħaħ għad-detriment ta’ dawk it-tfal li għandhom bżonn il-protezzjoni.
Ħasra li pajjiżna għandu Ministru tal-Politika Soċjali li jidher biċ-ċar li hu maqtugħ għal kollox mir-realtajiet soċjali ta’ pajjiżna, f’dan il-każ, ta’ dawk it-tant familji li b’sens ta’ responsabbiltà, jiffosterjaw it-tfal.
Il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni se jibqa’ jkun il-vuċi u t-tarka tat-tfal, filwaqt li jappella biex dan l-abbozz jittella’ għad-diskussjoni fil-Parlament mill-aktar fis possibli. Il-Partit Nazzjonalista jieħu din l-okkażjoni biex jirringrazzja u jirrikonoxxi lil kull min jaħdem f’dan is-settur daqstant sensittiv għat-tfal.
//= $special ?>
