Lokali

Materjal edukattiv għall-iskejjel

Il-Caritas Malta nediet materjal edukattiv u preventiv għall-iskejjel mill-year 6 sa form 4. Dan il-materjal, The Awsome Happy Me sar b’kollaborazzjoni mal-Istitut tal-informatika, teknoloġija u kommunikazzjoni fi ħdan l-MCAST u li ndirizzat għall-iskejjel mill-year 6 sa form 4.

Dan il-materjal se jkun interattiv u jitkellem bil-lingwa teknoloġika. Se jiffoka prinċipalment fuq l-iżvillup tal-persuna, jiġfieri kif wieħed jirrispetta u jħobb lilu nnifsu u li għandu dritt li jkun maħbub u li jitgħallem iħobb u jirrispetta lil ta’ madwaru. Il-materjal jismu The Awsome Happy Me, se jservi biex it-tfal ikunu aktar assertivi, pożittivi u altruisti.

Il-Caritas Malta ilha għal dawn l-aħħar 20 sena tagħti servizz fl-iskejjel bi programmi ta’ prevenzjoni imma din is-sena, bħal ma sar minn żmien għal żmien il-programm FOCUS ġie rivedut.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, irringrazzja lid-direttur tal-ICT tal-MCAST, Konrad Vassallo li bis-sehem ta’ għalliema u studenti ta’ dan il-kulleġġ tfassal dan il-proġett teknoloġiku li nħadem anke mat-tim tal-prevenzjoni tal-Caritas immexxi minn Alex Attard. Leonid Mckay qal li l-Caritas għaddejja minn proċess fejn qed taġġorna mhux biss ix-xelters ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga imma wkoll qed tinvesti fejn tidħol il-prevenzjoni u l-edukazzjoni.

Ma’ dan il-materjal edukattiv, The Awsome Happy Me, tnieda wkoll is-sit tal-Caritas li huwa www.caritasmalta.org li se jagħti ċ-ċans li jkun iktar interattiv u jagħti widen lil min irid jikkomunika b’mod elettroniku mal-Caritas.