Rapport akkademiku fil-Belġju qal li eluf tal-anzjani nqatlu taħt idejn it-tobba tagħhom u mingħajr ma qatt kienu talbu għall-mewt taħt il-liġijiet speċifiċi dwar l-ewtanasja f’dan il-pajjiż.
Skont ir-rapport, waħda f’kull sittin mewta fost il-pazjenti li jispiċċaw taħt il-kura tat-tobba tinvolvi lil xi ħadd li ma talabx ċar u tond għall-ewtanasja. L-istudju sab li nofs il-pazjenti (fil-Belġju) li nqatlu ‘mingħajr ma taw il-kunsens tagħhom’ kellhom ‘il fuq minn 80 sena. Żewġ-terzi ta’ dawn in-nies kienu residenti fl-isptarijiet u ma kenux qed ibatu minn mard terminali bħall-kanċer.
F’erba’ minn kull ħames każi, il-mewt ma kienx diskuss mal-pazjenti qabel dawn kienu suġġetti għall-‘ewtanasja involontarja’. Dan għaliex l-anzjani partikolari jew kienu spiċċaw f’koma inkella nstabu li qed ibatu bid-demenzja. Mhux eskluż li, f’numru ta’ każi, it-tobba setgħu ddeċidew li ‘ma jkunx fl-aħjar interessi tagħhom li jiddiskutu l-kwistjoni’.
Mifhum li t-tobba ta’ spiss ma infurmawx lill-familji tal-pazjent dwar il-pjani tagħhom biex jagħtu xi injezzjoni letali lill-persuna inkwistjoni. Dan għaliex skont ir-rapport ippubblikat mill-Journal of Medical Ethics, it-tobba setgħu kkunsidraw il-ħaġa bħala ‘deċiżjoni medika li setgħet issir minnhom biss’.
Dan kollu kompla jrewwaħ il-kontroversja dwar il-liġi tal-ewtanasja fil-Belġju li kien introdott fil-pajjiż daqs tlettax il-sena ilu.
//= $special ?>

