Futbol Lokali Sport

Popov jaqsam qalb il-Maltin

MALTA…………………………………0
BULGARIJA………………………..1

Malta: J. Haber, Z. Muscat, A. Agius, R. Camilleri, A. Muscat (E. Herrera 63’), C. Failla, R. Muscat, P. Fenech, R. Briffa (A. Schembri 76’), M. Mifsud (A. Cohen 84’), A. Effiong
Bulgarija: B. Mitrev, I. Bandolovski, Y. Minev, N. Bodurov, A. Aleksandrov, I. Popov (I. Cochev 81’), V. Gadzhev. S. Dyakov. S. Manolev, M. Alexandrov (G. Milanov 75’), I. Micanski (R. Vasilev 90’)
Skurja: I. Popov 56’ (B)
Imwissija: A. Agius, R. Camilleri, Z. Muscat, P. Fenech (M); M. Alexandrov (B)
Referee: A. Stavrev (Maċedonja)

Malta sofriet telfa minima kontra l-Bulgarija fis-sitt partita tagħha mill-kwalifikazzjoni tal-kampjonati Ewropej, b’gowl ta’Popov lejn il-bidu tat-tieni taqsima. Wara wirja relattivament pożittiva fl-ewwel taqsima, kuntrarju għal dak li ġara kontra l-Litwani nhar it-Tnejn li għadda, il-Maltin sfumaw fit-tieni taqsima u ftit li xejn irreaġixxew wara li qalgħu l-gowl.

Il-gowl spettakolari ta’ Alfred Effiong fl-aħħar logħba kien altru milli biżżejjed biex jikkonvinċi lill-kowċ Pietro Ghedin biex jibdieh mal-ewwel ħdax minflok Andrew Cohen, f’dik li kienet l-unika bidla mir-rebħa kontra l-Litwanja. Il-partitarji Maltin taw l-appoġġ tagħhom ukoll lill-attakkant ta’ Qormi bil-kliem “Effiong one of us” bħala tweġiba għal kliem dispreġjattiv li rċieva, u meta nbidel Michael Mifsud, “Fredu” saħansitra żamm ukoll għal ftit minuti l-faxxa ta’ captain.

Wara biss tliet minuti, Effiong baqa’ jippersisti max-xellug sakemm spiċċa quddiem il-gowlkiper iżda kkonkluda ftit għoli. Wara kważi għoxrin minuta, minn freekick ta’ Popov, Haber intefa’ minn tulu u mbotta l-ballun ’il barra mil-linja tal-gowl.

Wara nofs siegħa logħob, minn pass ta’ Alex Muscat, Roderick Briffa b’eleganza qabbeż il-ballun minn fuq Dyakov u kkonkluda b’first-timer li kien imblukkat mill-gowlkiper Mitrev. Il-Bulgari reġgħu sabu lil Haber ostaklu meta Micanski, wiċċ’imb’wiċċ miegħu ra lill-gowlkiper Malti jċaħħdu mill-gowl.

Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima, Ryan Camilleri waqqa’ lil Gadzhev fil-kaxxa, bir-referì Maċedonjan jiġġudika penalty. Madankollu Mikanski xeħet barra biex il-Bulgari fallew penalty ieħor wara dak li kienu fallew f’darhom fl-ewwel rawnd.

Il-Maltin sofrew il-gowl fatali fis-56 minuta, meta Roderick Briffa biegħed il-periklu wara korner, iżda Minev reġa’ tefa’ l-ballun bir-ras fil-kaxxa Maltija u l-attakkant ta’ Spartak Moskow Ivelin Popov skorja b’first-timer b’saħħtu.
Tliet minuti wara Haber reġa’ waqqaf id-daqqa ta’ ras ta’ Mikanski. Fid-90 minuta l-Bulgari setgħu anki rduppjaw iżda Manolev laqat il-mimduda minn xutt minn barra l-kaxxa.