Internazzjonali

Appell ta’ Renzi wara li l-ġirien dawwru lura l-immigranti

Il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, ħeġġeġ biex jinbidlu r-regoli tal-Ewropa li jirrigwardaw il-kenn politiku wara li l-ġirien tal-Italja ssikkaw il-kontrolli mal-fruntiera.

Renzi ħareġ b’dan l-appell waqt intervista mal-gazzetta Corriere della Sera u ladarba l-Istati ġirien, fis-sigħat ta’ qabel, kienu dawwru lura numru ta’ immigranti Afrikani, bir-riżultat li mijiet ta’ dawn in-nies spiċċaw iżolati mal-fruntiera tal-Italja.

F’din l-intervista Renzi qal li l-komunita internazzjonjali trid iġġorr responsabbilta għall-kaos preżenti fil-Libja wara li fl-2011 għenet biex twaqqa r-reġim tal-eks dittatur Libjan, Muammar Gaddafi. Dan meta t-taqlib konsistenti fil-Libja witta t-triq biex il-mijiet tal-eluf tal-immigranti jaqsmu bid-dgħajjes mil-Libja għan-Nofsinar tal-Italja.

Għaldaqstant, il-Prim Ministru Taljan sejjaħ għall-bidliet fl-hekk-imsejħa regoli ta’ Dublin li jesiġu biex il-maġġoranza tal-immigranti li qed ifittxu kenn politiku jkunu assenjati lill-pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jkunu daħlu fih għall-ewwel darba. Renzi għandu jiddiskuti l-kwistjoni mal-President ta’ Franza Francois Hollande u mal-Prim Ministru Britanniku David Cameron ladarba huma jżuru l-Italja din il-ġimgħa.

Fl-aħħar jiem, Franza u l-Awstrija żiedu l-kontrolli għall-immigranti li ġejjin mill-Italja, fejn dawwru lura l-mijiet u ħallew ammonti kbar ta’ dawn in-nies ‘ikkampjati’ fl-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ Ruma u Milan. Ħafna mill-immigranti nżammu milli jaqsmu għal Franza mill-belt ta’ Ventimiglia li hi belt tal-kosta lejn it-Tramuntana tal-Italja. Fl-istess ħin, ħafna immigranti oħra twaqqfu mal-fruntiera tal-Awstrija, qrib il-belt Taljana ta’ Bolzano.