Ambjent Lokali

Dokument ġdid tal-MEPA jagħmel l-approvazzjoni ta’ żvilupp f’Żonqor Point possibli

Il-proġett tal-Universita’ ġdida f’Żonqor Point f’Wied il-Għajn jista’ jiġi approvat skont dokument ġdid tal-MEPA li jista’ jissostwixxi d-dokument preċedenti u li jista’ jagħti permess għal żvilupp bħal dan jekk il-Gvern ma jkollux alternattiva vijabbli.

Dan ħareġ minn storja fil-Malta Independent on Sunday.

Id-dokument, Strategic Plan for the Envionment Development (SPED), għandu jissotwixxi il-Pjan Struturali tal-1992, li huwa konsiderat bħala l-bibbja tal-MEPA u d-dokument li jirreferu għalih il-bordijiet tal-ippjanar b’mod partikolari f’każi ta’ appell.

Skont ambjentalisti d-dokument ġdid SPED huwa nieqes minn ċertu dettalji u salvagwardji li kellu d-dokument preċedenti tal-1992. Minbarra hekk id-dokument ġdid ġie rivedut sabiex jinkludi klawsola li hija suġġettiva ħafna u li tista’ twassal għal abbuż.

Skont ambjentalisti, emendi ġodda fid-dokument il-ġdid li ġew imbuttati mill-gvern idgħajfu d-dokument u jagħtu aktar ċans għal abbuż. Fost oħrajn dawn l-emendi jinkludu klawżola li tgħid li art bħalma hi dik taż-Żonqor tista’ tiġi użata għall-iżvilupp jekk il-Gvern ma jkollux alternattiva vijabbli.

L-importanza sabiex jiġi rivedut dan id-dokument kien ġie ssotolinjat f’konsultazzjoni pubblika li saret fl-2012. Wara l-aħħar elezzjoni, il-Gvern Laburista kien qal li se jirrevedi dan il-proċess iżda fl-2014, il-gvern kien saħaq li l-oġġettivi li kienu ġew issotolinjati fl-2012 se jissostitwixxu d-dokument preċedenti u reġa ppreżenthom għal konsultazzjoni mingħajr politika konkreta dwarhom.

Dan id-dokument ġdid SPED ġie approvat fi stadju ta’ kumitat parlamentari il-ġimgħa l-oħra u issa għandu jiġi diskuss fi stadju ta’ plenarja fil-parlament.