Internazzjonali

Entużjażmu għaż-żwieġ ta’ Prinċep ma’ eksmudella

Il-poplu Żvediż ingħaqad fl-awguri lill-Prinċep Carl Philip tal-Iżvezja u martu, l-eksmudella Sofia Hellqvist, wara li huma ingħaqdu fiż-żwieġ fi tmiem il-ġimgħa.

Iċ-ċerimonja taż-żwieġ kienet waħda spettakolari li saret fil-Kappella tal-Palazz Irjali, fi Stokkolma; b’eluf ta’ nies jinġabru fit-toroq biex jassistu għall-avveniment. Il-poplu anki deher entużjast ħafna minkejja l-aħħar stħarriġ li jissuġġerixxi li l-Familja Rjali Żvediża qed titlef mill-popolarita tagħha.

Dritt wara li żżewġu, il-koppja rikbu f’karozzell miġbud miż-żwiemel li dawwarhom madwar il-kwartier antik ta’ Stokkolma fejn setgħu jilqgħu l-applawż tan-nies. Dan qabel huma rritornaw fil-Palazz fejn attendew pranzu li kienu mistiedna għalih diversi rjali barranin u distinti oħra.

Hellqvist, li għandha 30 sena, hi magħrufa wkoll bħala personalita tar-Reality TV u llum qed tinvolvi ruħha fil-kampanji għal skop karitatevoli. Il-Prinċep Carl Philip li għandu 36 sena, hu t-tielet wieħed fil-linja għat-tron tal-Iżvezja.