Lokali

Ħaddiema tal-gvern jagħmlu xogħlijiet biex jinqeda Joe Mizzi

Storja fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa ta’ Il-Mument żvelat kif fil-jiem li għaddew Il-Mument investiga rapporti b’rabta ma’ xogħlijiet li saru fi trejqa minn Labour Road f’Ħaż-Żabbar biex allegatament ikun akkomodat il-Ministru Joe Mizzi. Fil-post sibna ħaddiema tal-Gvern li kienu assenjati jaħdmu biex jagħmlu xogħlijiet ta’ bini ta’ ċint twil li jifred il-bankina tat-triq prinċipali minn mar-raba’ kif ukoll ammont ta’ inġenji b’daqs varjat.

Nies li tkellmu ma’ Il-Mument spjegaw li trejqa partikolari li kienet ilha ħafna magħmula mill-ħamrija issa twittiet mill-ħaddiema tal-Gvern billi tpoġġa t-terrapien u l-konkos biex minn jgħaddi minnha ma jkollux l-inkonvenjent.

Mill-informazzjoni li kiseb Il-Mument, il-Ministru Joe Mizzi, minn din id-daħla, jiffrekwenta ta’ kuljum kumpless ta’ bini li fih jitrabbew l-annimali. Hu magħruf li l-Ministru Joe Mizzi jrabbi l-annimali u ta’ kuljum imur iżur dan il-kumpless biex jitma’ lill-annimali u jnaddfilhom.

Bosta drabi jitwassal fil-post mix-xufier tiegħu bil-karozza ministerjali. Jidher li jiddaħħal minn din it-trejqa u mbagħad jinżel minnha, jidħol f’din il-binja fejn qed jitrabbew l-annimali u joqgħod jheda fiha għal ċertu ħin sakemm jinħareġ lura bl-istess karozza ministerjali tiegħu.

Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li jidher li nibet il-ħsieb li issa li fl-inħawi qed isiru diversi xogħlijiet mill-ħaddiema tal-Gvern – din it-trejqa ma tibqax bil-ħamrija, iżda minflok titwitta u tingħata l-konkos biex hekk kulmin ikollu għalfejn jidħol f’din it-trejqa ma jkollux l-inkonvenjent li jgħaddi minn trejqa tal-ħamrija, iżda jgħaddi minn fuq trejqa tal-konkos, inkluż il-Ministru Joe Mizzi.

Ix-xogħol kollu f’din it-trejqa u l-għoti tal-konkos tagħha sar mill-ħaddiema tal-Gvern u sa din il-ġimgħa stess fuq in-naħa l-oħra tal-binja fejn irabbi l-annimali Joe Mizzi, inġenji tal-Gvern daħħlu materjal u terrapien li qed jirriżulta mix-xogħol li qed isir għall-bini taċ-ċint f’Labour Road f’Ħaż-Żabbar.

Sadattant u fid-dawl ta’ dawn ix-xogħlijiet li saru fit-triq ta’ wara wkoll saru xogħlijiet minn ħaddiema tal-Gvern biex twittiet trejqa oħra bil-konkos. Din it-trejqa wkoll għandha aċċess għall-istess binjiet fejn jitrabbew l-annimali li tant iħobb il-Ministru Joe Mizzi!