Ir-Renju Unit qiegħed jorganizza jumejn ta’ ċelebrazzjonijiet nazzjonali biex ifakkar it-800 anniversarju tal-Magna Carta – it-trattat li kien iffirmat bejn wieħed mill-agħar Rejiet fl-istorja tal-Ingilterra u l-barunijiet li qamu kontra tiegħu u li kellu jwassal għal mument deċiżiv għad-demokrazija u l-ġustizzja.
Il-ftehim dwar il-Magna Carta, magħrufa wkoll bħala l-Great Charter, kien seħħ f’Ġunju tal-1215, iżda spiċċa mwarrab fi kwistjoni ta’ ġimgħat, bil-pajjiż jispiċċa fi gwerra ċivili. Madankollu, ħafna mill-prinċipji taċ-charter baqgħu validi u kienu implimentati bħala liġi, bil-lingwa relatata tkun adottata fid-demokraziji madwar id-dinja.
Intant, fl-aħħar sigħat kienet inawgurata statwa tar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra fis-sit ta’ Runnymede, maġenb ix-Xmara Thames, fejn kienu saru n-negozjati dwar dan it-trattat storiku. Ir-Reġina u membri oħra tal-Familja Rjali, għada, għandhom jattendu avveniment ieħor ta’ tifkira fl-istess inħawi.
Il-Magna Carta kienet introdotta fost tilwima taħraq bejn ir-Re John, meqjus bħala wieħed mill-aktar sovrani tiranni fl-istorja tal-Britanniċi, u l-membri tal-aristokrazija, li kienu s-sidien ta’ proprjeta. B’riżultat ta’ dan, il-barunijiet sfurzaw lir-Re biex jaċċetta l-liġijiet ġodda u li l-poteri tiegħu jkunu suġġetti għal limitu. Intant. l-aktar ħaġa importanti dwar il-Magna Carta hi li waqqfet il-prinċipju tal-amministrazzjoni tal-liġi.
Illum għadhom jeżistu erba’ kopji taċ-charter, li tnejn minnhom jinsabu fil-British Library u bl-oħrajn jinsabu, rispettivament, fil-Kattidrali ta’ Lincoln u ta’ Salisbury.
//= $special ?>

