MaltaRightNow.com illum jista’ jiżvela kif f’April li għadda tlett priġunieri Għarab taw xebgħa lil priġunier Malti wara li daħħluh f’shower. Din ix-xebgħa minn dawn it-tlett priġunieri Għarab jidher li mmaturat wara li allegatament Uffiċjal tal-Ħabs qabbadhom biex jagħmlu dan wara li l-priġunier Malti – li għandu problema serja tad-droga – preċedentement kien seraq lil ommu u ħadilha l-basket li kellha f’idha.
Sorsi li xtaqu li jkollhom l-identità tagħhom mhux żvelata, qalu lil il-mument li dan l-inċident hu wieħed serju ħafna tant li l-awtoritajiet tal-Ħabs għandhom jiftħu inkjesta immedjata biex ikunu stabbiliti l-fatti li wasslu għal dan l-inċident gravi.
Dawn is-sorsi qalu lil il-mument li huma għandhom informazzjoni kif Uffiċjal tal-Ħabs – li lilna għaddewlna ismu – qabbad tlett priġunieri Għarab biex isawtu priġunier Malti għal skop ta’ tpattija.
Il-priġunier Malti li qala’ x-xebgħa hu Charles Farrugia ta’ 32 sena. Dan il-priġunieri Malti għandu problema serja ħafna ta’ droga, ma jaħdimx u għalhekk, meta jkun ħieles mill-Ħabs, ikollu ġeneralment jisraq biex imantni l-vizzju tad-droga.
Jirriżulta li waħda mill-vittmi ta’ dan il-priġunier kienet omm dan l-Uffiċjal tal-Ħabs meta darba minnhom kienet attakkata minnu u serqilha l-basket li kienet qed iġġorr. Fil-fatt l-attentat li kien għamel Charles Farrugia kien suċċess għaliex kien irnexxielu jisraqha. Naturalment dakinhar li wettaq dan l-attakk fuq din l-azjana, dan il-priġunier ma kienx jaf li dik l-anzjana partikulari kienet omm Uffiċjal imlaħħaq fil-Ħabs.
Sussegwentement Charles Farrugia kien inqabad mill-Pulizija u kien tressaq il-Qorti akkużat b’madwar erbgħin kap ta’ akkuża, fosthom numru ta’ serqiet vjolenti fuq anzjani f’numru ta’ lokalitajiet, fosthom f’Ħal Tarxien, Santa Luċija, l-Imqabba, Raħal Ġdid, iż-Żurrieq, Ħal Luqa, il-Gudja u Ħal Għaxaq bejn is-7 u l-10 ta’ April.
Hu kien akkużat ukoll li kiser numru ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja mogħtija fuq erba’ kawżi oħra u li rreżista l-arrest b’mod vjolenti. Hu ma kienx ingħata l-libertà proviżorja. Barra minhekk f’April ukoll hu kien inqabad mill-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kirminali jaħraq karozza li kien seraq biex iwettaq dawn ir-reati.
Mill-informazzjoni li rnexxielu jikseb il-mument jirriżulta li Charles Farrugia kien iddaħħal il-Ħabs nhar il-Ħadd, 12 ta’ April li għadda u kien tpoġġa f’Diviżjoni 6. Nhar il-Ħamis, 23 ta’ April 2015 fid-9 a.m. Charles Farrugia kien trasferit minn Diviżjoni 6 għal Diviżjoni 1 – preċiżament f’Ċella Numru 18. Tajjeb li dwar dan jingħad li ġeneralment il-priġunieri li jidħlu l-Ħabs jitpoġġew f’Diviżjoni 6 u jagħmlu hemm għoxrin ġurnata qabel ma jkunu trasferiti lejn xi Diviżjoni oħra.
Jirriżulta li kien proprju f’dik il-ġurnata, nhar il-Ħamis, 23 ta’ April 2015, għall-ħabta tas-6.30 p.m., waqt li l-Uffiċjali tad-Diviżjoni 1 kienu qed jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikel, meta tlett priġunieri Għarab – li il-mument għandu wkoll l-ismijiet tagħhom – li daħħlu lill-priġunier Charles Farrugia f’shower waqt li kien qiegħed jistenna biex jagħmel telefonata. Hemm, fix-shower, it-tlett priġunieri Għarab sawtu b’mod ripetut lill-istess Charles Farrugia.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li dan kollu kien osservat, fost l-oħrajn, minn għadd ta’ priġunieri oħra li setgħu josservaw kollox iżda qajla setgħu jintervjenu għaliex basru li dak li kien qiegħed jiġri kien parti minn allegat pjan ta’ Uffiċjal tal-Ħabs li b’vendetta ried li l-priġunier ipattiha qares għal dak li kien għamel lil ommu.
Fil-fatt priġunieri li tkellmu mas-sorsi li avviċinaw lil il-mument fissru li huma beżgħu għal ġildhom fis-sens li ma kienx jaqblilhom li jintervjenu f’dak li kien qiegħed jiġri minħabba li kien evidenti li dak ir-reat fil-Ħabs kien parti minn kriminalità organizzata. Madankollu jekk l-awtoritajiet tal-Ħabs riedu bis-serjetà jinvestigaw dan il-każ, allura setgħu jaraw u janalizzaw rekordings minn tlett CCTV cameras li hemm fid-Diviżjoni.
Is-sorsi komplew jinfurmaw lil il-mument li meta wieħed mill-Gwardjani tal-Ħabs induna li kien hemm xi storbju fix-shower, mar jara x’kien qed jiġri u malli fetaħ ix-shower sab lil wieħed mill-priġunieri Għarab jargumenta ma’ Charles Farrugia li kellu d-demm ħiereġ minn imnieħru.
Dan il-Gwardjan tal-Ħabs – li aħna għandna ismu wkoll – ħareġ lill-priġunier Malti mix-shower u staqsih x’kien ġara, filwaqt li l-istess priġunier Malti beda jispjega dak li kien għadda minnu.
Hawnhekk inqalgħu argumenti oħra bejn il-priġunier Għarbi u dak Malti, b’tal-ewwel jgħid li Charles Farrugia kien qiegħed jgħid kontra tiegħu minn wara dahru. Din kienet l-ewwel verżjoni li qal il-priġunier Għarbi biex jiġġustifika dak li kien sar.
Hawnhekk il-Gwardjan tal-Ħabs ħa lill-priġunier Charles Farrugia lejn il-kanċell tad-Diviżjoni li jagħti għas-Central Hall u sejjaħ għall-assistenza. Nifhmu li dak il-ħin fost l-Uffiċjali li kien hemm fis-Central Hall kien hemm ukoll l-Uffiċjal li allegatament kien involut (naturalment involviment moħbi) wara dak li kien ġara. Dan l-Uffiċjal kien bil-qegħda fuq bank żgħir bil-mobile f’idu.
Numru ta’ Gwardjani oħra intervjenew biex jgħinu lill-Gwardjan kollega tagħhom, iżda l-Uffiċjal li kien bil-qegħda, bil-qegħda kien u bil-qegħda baqa’!
Din l-imġieba minn dan l-Uffiċjal ħasdet lil dawk kollha preżenti għax is-soltu jafu tajjeb kif dan ikun minn tal-ewwel li jidħol u jintervjeni meta jkun hemm xi argument bejn il-priġunieri. Dan wassal ukoll biex komplew jikbru s-suspetti li dan l-Uffiċjal kellu id moħbija f’dak li kien għadu kemm seħħ ġewwa d-Diviżjoni 1.
Sussegwentement it-tlett priġunieri Għarab involuti fix-xebgħa lill-priġunier Malti ssakkru fiċ-ċella rispettiva tagħhom. Min-naħa tiegħu Charles Farrugia, skortat minn żewġ Gwardjani tal-Ħabs, ittieħed lejn l-M.I.Room għall-kura. Wara ttieħed lejn l-Administration Block fl-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni fejn ittieħdu wkoll xi ritratti ta’ wiċċu bħala parti mill-istħarriġ li kien qed isir dwar dan l-inċident. Wara hu ttieħed mill-ġdid f’Diviżjoni 1 u għall-ħabta tas-7.30 p.m. hu kien trasferit lejn Diviżjoni 12.
Aktar tard Charles Farrugia ttieħed fl-Uffiċċju tal-SRT fejn kien hemm preżenti wieħed mill-priġunieri Għarab li aktar kmieni kien ħabat għalih. Hawnhekk nifhmu li wieħed mill-Gwardjani tal-Ħabs staqsa lil Charles Farrugia għalfejn kien qiegħed il-Ħabs u hekk kif Charles Farrugia wieġeb li hu kien qiegħed il-Ħabs dwar serq, fil-pront il-priġunier Għarbi talbu skuża għal dak li kien ġara u żied li hu kien ħaseb li dan kien abbuża minn xi tifel!
Dan kien ifisser li filwaqt li oriġinarjament il-priġunier Għarbi kien qal li hu kien ħabat għall-priġunier Malti għaliex kien qal li dan kien qed jgħid fuqu minn wara dahru, issa quddiem dan il-Gwardjan tal-Ħabs qal li hu kien ħaseb li l-priġunier Malti kien abbuża minn xi tifel. Jiġifieri f’temp ta’ ftit tal-ħin bidel il-verżjoni kompletament.
Ftit jiem wara dan l-inċident serju f’Diviżjoni 1 reġa’ nqala’ argument ieħor bejn żewġ priġinieri oħra. L-argument kien dwar min minnhom kien imissu jċempel. Wieħed mill-Gwarjdani tal-Ħabs ipprova jżomm il-kalma u mis-Central Hall daħlu xi uffiċjali biex jassigstu lil dan il-Gwardjan tal-Ħabs. Fost dawk li daħlu kien hemm dak l-Uffiċjal li fl-argumenti preċedenti ta’ xi jiem qabel ma kienx tħarrek min bil-qegħda! Din id-darba intervjena mill-ewwel u kien hu li ħareġ lil wieħed mill-priġunieri ‘l barra mid-Diviżjoni 1.
In vista ta’ dan ix-xenarju kollu s-sorsi li tkellmu ma’ il-mument enfasizzaw magħna li l-awtoritajiet tal-Ħabs jinvestigaw dwar għaliex Uffiċjal partikulari tal-Ħabs meta kien preżenti fis-Central Hall ma daħalx fid-Diviżjoni 1 meta kien hemm sitwazzjoni kerha ħafna fejn kien għadu kemm issawwat wieħed mill-priġunieri?
Għalfejn wieħed mill-priġunieri Għarab ta’ żewġ verżjonijiet differenti fi ftit tal-ħin biex jipprova jiġġustifika s-swat lill-priġunier Malti? X’kienet ir-raġuni vera għala l-priġunier Għarbi sawwat lill-priġunier Malti? Meta l-awtoritajiet tal-Ħabs jafu b’dak li ġara għaliex ma firdux lit-tlett priġunieri Għarab?
Is-sorsi komplew jistaqsu jekk ir-rekordings tal-moviment kollha ta’ dan l-inċident għadhomx intatti jew inkella kienx hemm min kellu li dawn jitħassru? Barra minhekk ir-ritratti li ttieħdu dwar dan l-inċident kienu żviluppati u x’sar minnhom? Tajjeb ukoll jekk dwar dan il-każ isir magħruf jekk il-Pulizija tad-Distrett kienux infurmati biex jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom.
//= $special ?>