Lokali

Kien imur għal kaċċa ma’ Gaffarena

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon, li s-Segretarjat tiegħu jaqa’ direttament taħt l-Uffiċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li kien imur għall-kaċċa ta’ Marco Gaffarena – il-persuna wara l-iskandlu ta’ Strada Zekka. L-ammissjoni saret minn Michael Falzon stess f’intervista mal-ġurnal MaltaToday, li fiha ammetta wkoll li fl-aħħar sentejn iltaqa’ ma’ Gaffarena fl-uffiċju tiegħu fil-Berġa ta’ Kastilja.

Fl-intervista ma’ Michael Falzon ġie żvelat ukoll li kien Gaffarena stess li bagħat talba lill-Gvern biex il-propjeta’ li kien xtara tiġi espropjata mill-Gvern. Apparti minn hekk, Michael Falzon ma ċaħadx li kien Gaffarena stess li għażel l-artijiet li ingħata mill-Gvern bħala parti mill-ftehim tal-espropjazzjoni li saret.

Dawn id-dettalji ġodda ġew żvelati hekk kif qed ikompli jiżviluppa l-iskandlu Gaffarena, skandlu li fih il-Gvern ta’ aktar minn miljun u sitt mitt elf ewro għal żewġ biċċiet ta’ propjeta’ fi Triq Zekka l-Belt Valletta li Gaffarena kien xtara għas-somma ferm anqas ta’ madwar mija u ħamsin elf ewro.

L-ewwel kwart tal-propjeta’ fi Triq Zekka inxtrat minn Gaffarena fl-2007 għas-somma ta’ tlieta u għoxrin elf ewro. F’Jannar, il-Gvern espropja din il-kwart ta’ propjeta’ mingħand Gaffarena u għaliha taħt is-somma ta’ aktar minn tmien mitt elf ewro fi flus kontanti u numru kbir t’artijiet, fosthom art fis-Siġġiewi, art f’Baħar iċ-Ċagħaq, art fil-Ħandaq f’Ħal Qormi u ħanut f’Tas-Sliema taħt dar li s-sid tagħha hu Gaffarena stess.

Fi Frar li għadda, wara li l-Gvern kien espropja l-ewwel kwart mixtrija minn Gaffarena, Gaffarena xtara it-tieni kwart tal-propjeta’ fi Triq Zekka.. għas-somma ta’ mija u erbgħin elf ewro. Anke’ din it-tieni kwart ta’ propjeta’ ġiet espropjata mill-gvern f’April li għadda, fejn reġa’ ingħata is-somma ta’ aktar minn tmien mitt elf ewro fi flus kontanti, żewġ artijiet f’Ħaż Żebbuġ, u art oħra f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Iżda l-ammissjonijiet ta’ Michael Falzon li fil-passat mar jikkaċċja ma’ Gaffarena, u li ġieli ltaqa’ miegħu fil-Berġa ta’ Kastilja, u l-fatt li s-Segretarju Parlamentari ma ċaħadx li kien Gaffarena stess li għażel l-artijiet li taħ il-Gvern bħala parti mill-ftehim, ma kienux l-uniku dettalji ġodda żvelati fil-midja indipendenti.

Dan għaliex il-ġurnal The Times żvela li wara li xtara l-ewwel żewġ biċċiet tal-propjeta’ fi Triq Zekka, li Gaffarena biegħhom lill-Gvern għal ammonti ferm akbar minn kemm xtrahom, Gaffarena tefa’ ħarstu fuq it-tielet kwart tal-propjeta’ li fuqha hemm wegħda ta’ bejgħ bejn Gaffarena u s-sid ta’ din il-kwart.

Dwar dawn l-iżviluppi, f’intervista bit-telefon fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma kellux triq oħra ħlief li jammetti li f’dan il-każ seta’ kien hemm involviment politiku.

Dwar dan, f’intervista fuq Radio 101, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għandhom jerfgħu ir-responsabbilta’ politika, filwaqt li qal li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ juża tattika fejn l-ewwel jagħmel l-affarijiet bil-moħbi u wara jgħid li żbalja jew li l-affarijiet setgħu saru b’mod aħjar.