Internazzjonali

L-istampa ħielsa mhedda fl-Ażerbajġan

L-Awtoritajiet Ażeri jidhru determinati li joħonqu l-espressjoni ħielsa, meta bħalissa qed tingħata ‘attenzjoni speċjali’ lill-istampa barranija waqt l-edizzjoni inawgurali tal-Logħob tal-Ewropa li qed issir fil-kapitali Baku.

Fil-fatt, numru ta’ uffiċjali qalu li d-deċiżjoni biex uħud mill-membri tal-istampa barranija ma jingħatawx il-permess biex jattendu għal-logħob ‘kienet kollha kemm hi dovuta għall-Gvern tal-Ażerbajġan’ u mhux għall-organizzaturi tal-avveniment.

Filwaqt li diversi ġurnalisti kienu miċħuda mill-visas biex jidħlu fl-Ażerbajġan, l-organizzaturi tal-logħob spjegaw li hu l-Gvern tal-President Ilham Aliyev li jiddeċiedi dwar liema individwi (tal-istampa) jistgħu jattendu għall-avveniment; ‘b’din id-deċiżjoni tibbaża fuq il-kriterji speċifiċi li jużaw l-istess awtoritajiet Ażeri’. Dan ukoll meta hu l-Gvern Ażeri ‘li japprova jew ma japprovax’ l-accreditations tal-ġurnalisti.

Minbarra l-membri tal-istampa, diversi rappreżentanti mill-gruppi internazzjonali tad-drittijiet umani, fosthom l-Amnesty International u l-Human Rights Watch, ukoll huma pprojbiti milli jidħlu fl-Ażerbajġan, li ilu mill-1993 jitmexxa mill-familja ta’ Aliyev.

Dawn l-organizzazzjonijiet akkużaw lill-Gvern Ażeri dwar abbużi ‘persistenti’ tad-drittijiet tal-bniedem, meta fl-Ażerbajġan ta’ Aliyev qed jispikkaw l-arresti ta’ ġurnalisti, dissidenti u membri tad-diversi gruppi tal-Oppożizzjoni.

Sadanittant, il-ġurnalista Ażeri, Emin Huseynov, jinsab f’Berne, fl-Iżvizzera, wara li kien ilu jgħix disa’ xhur fl-Ambaxxata Żvizzera ta’ Baku.

Dan il-ġurnalista ħataf l-opportunita biex juża l-ajruplan tal-Ministru Żvizzeru għall-Affarijiet Barranin, Didier Burkhalter, li kien wasal f’Baku biex jattendi l-inawgurazzjoni tal-Logħob tal-Ewropa.
F’Awwissu li għadda, Huseynov kien applika għand l-Ambaxxata Żvizzera biex jingħata kenn politiku minħabba l-biża’ li hu kellu jkun suġġett għall-persekuzzjoni fuq id-direttiva speċifika tal-Gvern Ażeri. Skont il-gruppi tad-drittijiet umani, Huseynov kien ikkritika kemm il-darba lir-reġim awtoritarju tal-President Aliyev.

Fi żvilupp ieħor, l-Ambaxxatur Ġermaniż għall-Ażerbajġan issejjaħ għand il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Baku wara li l-Bundestag ( Parlament) ta’ Berlin addotta riżoluzzjoni kontra l-Ażerbajġan. L-awtoritajiet Ażeri jfissru r-riżoluzzjonijiet tipiċi bħala ‘kampanja ta’ pubbliċita negattiva għal pajjiżhom’, waqt li l-Ministeru Ażeri għall-Affarijiet Barranin tenna li l-addozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni kellha twassal għal ‘tensjoni mal-Ġermanja’.