Fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid għada mistennija tkun varata d-dehra l-ġdida ta’ din l-entità edukattiva – simbolu ta’ tliet ċrieki magħqudin f’wieħed li jirrappreżentaw lit-tliet kulleġġi li se jkunu qed jiffunzjonaw minflok il-ħdax-il Istitut li hemm bħalissa. Fiċ-ċerimonja ta’ għada mistennija wkoll tkun varata d-dehra l-ġdida tal-MCAST li qed niżvelaw b’mod esklussiv.
Nifhmu li l-iskop wara din il-manuvra – li ilha tinħadem għal dawn l-aħħar xhur bl-aktar mod sigriet – hu li l-MCAST ma jibqax jingħaraf minn kif kien bl-iskop li dan il-Gvern jagħmel tiegħu din il-ġawhra mwielda u żviluppata mill-amministrazzjoni preċedenti.
Il-Mument żvelat wkoll kif imħuħ fit-tmexxija tal-MCAST, biex jidhru sbieħ mal-Gvern tal-ġurnata, saħansitra diversi xhur ilu kienu taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jibdel ukoll l-isem ‘MCAST’. Nifhmu li t-tliet Kulleġġi varati għada se jkunu l-Foundation College, it-Technical College u l-University College.
Dawn it-tliet kulleġġi se jitmexxew minn tliet persuni li se jkunu qed jissejħu Kapijiet ta’ Skola. Nifhmu li għalkemm fil-ġimgħat li għaddew l-MCAST kien ħareġ sejħa għal dawk li setgħu kienu interessati f’dan ir-rwol, fil-verità kollox kien moħmi għaliex dawn il-persuni magħżula kienu ilhom għal numru ta’ xhur jiltaqgħu maċ-Chairman u mal-Prinċipal tal-MCAST.
Dawn il-laqgħat kienu jsiru f’jum mhux ta’ skola, fil-bini tal-MCAST f’Raħal Ġdid, inkella fl-Istitut tal-Arti u d-Disinn fil-Mosta.
Sadattant, il-kumplament tad-Diretturi l-oħra nifhmu li wħud minnhom se jibqgħu assenjati fl-Istitut fejn qegħdin iżda b’responsabbiltajiet imnaqqsa, filwaqt li hemm oħrajn li diġà kienu mgħarrfa jew inkella qed ikunu infurmati bħalissa li se jkunu assenjati fuq xogħol ieħor.
Il-Mument żvela wkoll li wieħed minn dawn it-tliet Kapijiet ta’ Skola magħżula għadu qiegħed ikun investigat dwar mismanagement ta’ fondi pubbliċi u minħabba li ma segwiex il-prassi segwita s-soltu fiċ-Ċivil fir-rigward ta’ xiri ta’ oġġetti jew għoti ta’ servizzi.
Stqarrija bi tweġiba, skont il-Liġi tal-Istampa
Fi stqarrija bi tweġiba, skont il-Liġi tal-Istampa, it-tmexxija tal-MCAST ċaħdet li l-bidliet li qed jiġu proposti fl-MCAST saru b’mod sigriet, iżda saret diskussjoni mill-aktar wiesgħa fi ħdan l-MCAST u barra waqt aktar minn 20 laqgħa. Jingħad li l-laqgħat saru mal-istaff kollu tal-MCAST, mal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, ma’ rappreżentanti tal-istudenti tal-MCAST kif ukoll mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, fejn ġiet spjegata fid-dettal din il-proposta.
L-istqarrija, iffirmata mill-Prinċipal u CEO tal-MCAST Stephen Cachia, tiċħad ukoll li l-bidla tixtieq ittappan ix-xoghol siewi li sar minn amministrazzjonijiet preċedenti biex ġie żviluppat l-MCAST. Tispjega li, bil-maqlub, f’kull okkażjoni l-Uffiċjali għolja kollha tal-MCAST, partikolarment il-President tal-Bord tal-Gvernaturi u l-Prinċipal enfażizzaw ix-xogħol kbir u siewi li sar fil-passat biex ġie żviluppat l-MCAST, tant li l-bidla proposta ħa tkompli tibni fuq dan ix-xogħol.
It-tmexxija tal-MCAST ċaħdet ukoll li kien hemm proposta li jinbidel l-isem tal-MCAST, iżda dejjem kien hemm il-ħsieb li jinżamm l-isem tal-MCAST u anke li l-MCAST jinżamm bħala istituzzjoni waħda u b’saħħitha magħmula minn tliet Kulleġġi u sitt Institutes.
L-MCAST ċaħad ukoll li l-Kapijiet tat-tliet Kulleġġi tal-MCAST se jissejhu Kapijiet ta’ Skola, kif ukoll li hemm xi persuni magħżula għal dawn l-irwoli u li għamlu xi laqgħat bil-moħbi maċ-Chairman u l-Prinċipal tal-MCAST f’Raħal Ġdid jew fil-Mosta. Fl-istqarrija jingħad li l-għażla ta’ dawn il-karigi qed issir bl-aktar mod trasparenti u miftuħ, permezz ta’ sejħa interna u esterna, kif ukoll proċess ta’ għażla skont il-proċeduri dejjem użati fl-MCAST.
L-istqarrija kompliet tiċħad ukoll li hemm xi Uffiċjal tal-MCAST li qed jiġi investigat dwar ‘mismanagemenet’ ta’ fondi pubbliċi, kif ukoll li l-President tal-Bord tal-Gvernaturi u l-Prinċipal tal-MCAST ma jarawx għajn m’għajn. Ingħad li l-President tal-Bord tal-Gvernaturi u l-Prinċipal qed jaħdmu flimkien biex imexxu ‘l quddiem l-MCAST, tant li l-backgrounds differenti tagħhom qed jgħin biex dawn il-perspettivi differenti jsawru bidla b’saħħitha u li tagħmel l-aktar ġid għall-istudenti tagħna.
Finalment, it-tmexxija tal-MCAST ċaħdet ukoll li l-President tal-Bord tal-Gvernaturi naqqas b’mod drastiku ħafna l-attenzjoni u l-ħinijiet tiegħu fl-MCAST. Ingħad li, bil-maqlub, is-sehem tal-President tal-Bord tal-Gvernaturi fl-MCAST u l-ħin li jqatta’ fl-MCAST hu wieħed qawwi ħafna u jixhed sens ta’ impenn kbir lejn l-MCAST.
//= $special ?>

