Il-fatti li ħerġin ta’ kuljum dwar l-iskandlu ta’ Strada Żekka jwasslu għall-konklużjoni li f’pajjiżna huwa ċar li qed issir korruzzjoni istituzzjonalizzata. Dan peress li l-irregolaritajiet qed isiru bil-barka tal-Gvern – kemm direttament kif ukoll indirettament. Fl-iskandlu ta’ Strada Zekka trid tintrefa’ r-responsabbiltà politika kemm mill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista li saritlu mill-ġurnalista Charmaine Parnis fuq Radio 101.
Simon Busuttil irrefera għall-intervista li għamel Michael Falzon mal-Maltatoday, li fiha ammetta numru ta’ affarijiet li jikkonfermaw kemm dan huwa skandlu kbir. Fost l-oħrajn, Michael Falzon ammetta dawn l-affarijiet :
1. Michael Falzon ammetta li ltaqa’ ma’ Gaffarena f’Kastilja u ddiskuta dan il-każ qabel ingħatatlu l-proprjetà
2. Michael Falzon ammetta li siefer għall-kaċċa ma’ Gaffarena
3. Michael Falzon ammetta li kien Gaffarena li avviċina lill-Gvern biex issir lill-esproprjazzjoni
4. Michael Falzon ammetta li Gaffarena tħalla jagħżel hu liema proprjetà jrid
5. Michael Falzon ammetta li hu ffirma dan id-deal jinten
6. Michael Falzon ammetta li impjegat fil-Ministeru tiegħu mar ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet
Michael Falzon huwa responsabbli għaliex kien jaf b’dan id-deal kemm qabel għaliex iltaqa’ ma’ Gaffarena dwar il-każ fil-bidu, kellu uffiċjal tiegħu li mar ma’ Gaffarena l-Lands, u kien hu li ffirma d-deal. “Kif jista’ Michael Falzon ma jkollux id-diċenza li jirriżenja?”, staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni. Hu sostna li wieħed irid ikun sfaċċat biex jammetti dawn l-affarijiet kollha u jibqa’ fil-kariga.
Simon Busuttil nsista wkoll li anke Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika, tant li r-responsabbiltà tiegħu hija doppja – kemm għaliex hu l-Prim Ministru, u the buck stops with the Prime Minister, kif ukoll għaliex hu l-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet. “Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li l-Prim Ministru għażel apposta li jżomm taħtu d-Dipartiment tal-Artijiet. Mhux ta’ b’xejn smajna bl-iskandli tal-Australia Hall, tal-Cafe’ Premier u issa ta’ Strada Zekka,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier, fit-2 ta’ Marzu, Joseph Muscat kien qal li hu kien ħa żball, u kienet saret għax il-Gvern ma kellux esperjenza, u li kien għaġġel bħall-fenek. “Hawnhekk, mhux għaġġlu bħall-fenek, imma tħanżru bħall-ħanżir,” qal Simon Busuttil. Hu qal li filwaqt li kien qed jigdeb lill-poplu Malti meta qal li tgħallimna mill-iżbalji, fl-istess ħin kien qed jiġi nnegozjat dan id-deal skandaluż ma’ Gaffarena. Fil-fatt, it-tieni kwart tal-proprjetà fi Strada Zekka ġiet esproprjata xahar wara li ġie żvelat l-iskandlu ta’ Cafe’ Premier.
Simon Busuttil insista li mhux biżżejjed li wieħed jgħid li lest li jreġġa’ l-affarijiet lura jekk joħroġ li l-affarijiet saru ħażin. “Dan mhux żball għaliex dan sar b’intenzjoni,” sostna Simon Busuttil, filwaqt li qal li mhux biżżejjed li wieħed ireġġa’ l-affarijiet lura, iżda għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jibni fiż-Żonqor, u tkellem dwar il-laqgħa li kellu aktar kmieni din il-ġimgħa mal-Front Ħarsien ODZ. Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni lesta tieħu pass lura biex is-soċjetà ċivili ssemma leħinha kontra dan il-bini fiż-Żonqor. “Anke hawn hawn riħa ta’ korruzzjoni għaliex hawn ħabi kbir u nuqqas ta’ trasparenza. Ta’ min hi l-art pubblika? Min se jdaħħal il-flus? Min hemm wara dan id-deal?” staqsa Simon Busuttil.
Hu qal li nhar is-Sibt se jattendi għall-protesta organizzata mill-Front Ħarsien ODZ bħala ċittadin ta’ rieda tajba fl-interess nazjonali.
Dwar il-bidliet fil-Kodiċi tal-Etika, Simon Busuttil qal li l-problema mhijiex li l-Ministri jagħmlu li jridu, iżda li l-Prim Ministru qed iħallihom jagħmlu li jridu. “Il-ħuta minn rasha tinten,” qal Simon Busuttil.
Fi tmiem l-intervista, Simon Busuttil qal li hu qed iwiegħed politika nadifa, u jrid li l-Partit Nazzjonalista inaddaf il-politika f’pajjiżna. Hu ħabbar li sa tmiem din is-sena, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ivara numru ta’ inizjattivi li jnaddfu l-politika f’pajjiżna, fosthom Kodiċi ta’ Etika li l-Partit Nazzjonalista jkun lest li jimplimenta mill-ewwel ġurnata tiegħu fil-Gvern. “Irrid Gvern tal-ogħla standards, ta’ politika nadifa u imġieba tajba,” temm jgħid Simon Busuttil.
//= $special ?>