Lokali

Tliet priġunieri Għarab jgħatu xebgħa lil priġunier Malti wara li jiġu mqabbda minn uffiċjal tal-ħabs

F’April li għadda, tliet priġunieri ta’ nazzjonalita’ Għarbija taw xebgħa lil priġunier Malti wara li daħħluħ f’shower. Xebgħa li żviluppat wara li allegatament uffiċjal tal-ħabs qabbadhom biex jagħmlu dan minħabba li l-priġunier Malti, bi problema serja ta’ droga, kien seraq lil omm l-uffiċjal u ħadilha l-basket li kellha f’idha.

Il-gazzetta il-Mument żvelat dan fejn intqal li skont sorsi dan l-inċident għandu jwassal lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jiftħu inkjesta ħalli jkunu stabbiliti l-fatti.

Il-Mument li ppubblikat l-identita’ tal-Malti li ngħata x-xebgħa bħala Charles Farrugia ta’ 32 sena, tirapporta li waħda mill-vittmi tiegħu f’serqa biex imantni l-vizzju tad-droga kienet omm dan l-uffiċjal tal-ħabs. Farrugia inqabad mill-Pulizija u tressaq il-Qorti b’numru t’akkużi.

Skont il-Mument, il-Malti ddaħħal il-ħabs nhar il-Ħadd 12 t’April u tpoġġa f’Diviżjoni Sitta. Wara, fit-23 t’April, Farrugia ġie trasferit għal Diviżjoni Wieħed. Kien fl-istess jum ukoll li waqt li l-uffiċjali tad-Diviżjoni kienu qed jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikel, tliet priġunieri ta’ nazzjonalita’ Għarbija, daħħlu lil Farrugia f’shower u ġie msawwat b’mod ripetut.

Priġunieri oħra li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li dan kollu kien osservat u li dak li kien qiegħed iseħħ kien parti minn allegat pjan ta’ Uffiċjal tal-ħabs li ried ipattieha lil dan il-priġunier b’vendetta. Saħqu wkoll li ma setgħux jintervjenu peress li kien evidenti li dan ir-reat fil-ħabs kien parti minn kriminalita’ organizzata, madanakollu jekk l-awtoritajiet tal-ħabs riedu jinvestigaw il-każ bis-serjeta’, allura setgħu jaraw u janalizzaw recordings minn tliet kameras tas-sigurta’ li hemm fid-Diviżjoni.

Sussegwentement, it-tliet pirġunieri Għarab involtui fix-xebgħa lill-priġunier Malti ssakkru fiċ-ċella tagħhom minn gwardjani tal-ħabs. Il-Malti kellu jingħata l-kura fil-ħabs stess għal ġrieħi li ġarrab.

Il-Mument temmet tgħid li s-sorsi li tkellmu magħha qed jisħqu li l-awtoritajiet tal-ħabs għandhom jinvestigaw dan il-każ.