Fis-sentejn u ħames xhur li għaddew, mill-2013 sal-lum, f’Għawdex ingħataw 30,345 ċitazzjoni tat-traffiku mill-Pulizija u mill-gwardjani lokali.
L-ammont ta’ ċitazzjonijiet li ngħataw mill-Pulizija f’Għawdex matul is-sena li għaddiet, kien aktar mis-sena ta’ qabel. Iċ-ċitazzjonijiet żdiedu b’111, minn 2,198 fl-2013 għal 2,309 fl-2014.
B’kollox, fl-aħħar sentejn u ħames xhur, il-Pulizija tat 5,458 ċitazzjoni bl-aktar li jingħataw ikunu fir-Rabat, f’Marsalforn, f’Għajnsielem u n-Nadur.
Dawn in-numru ta’ ċitazzjonijiet jiżdiedu maċ-ċitazzjonijiet li ngħataw mill-gwardjani lokali fl-istess perjodu, li kien ilaħħaq l-ammont ta’ 24,887. L-aktar ċitazzjonijiet ingħataw fir-Rabat, f’Għajnsielem, fiż-Żebbuġ u fil-Munxar.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament għal mistoqsijiet li saru lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said.
Fl-2013, f’Għawdex il-Pulizija tat 2,198 ċitazzjoni; fl-2014 2,309; u din is-sena diġà ngħataw 951.
Jirriżula li l-Pulizija t’Għawdex tat l-akbar ammont ta’ ċitazzjonijiet fir-Rabat, b’total ta’ 3,124 ċitazzjoni fil-perjodu msemmi.
F’Marsalforn ingħataw 572; f’Għajnsielem 283; fin-Nadur 260; fix-Xlendi 243; fix-Xewkija 239; fl-Imġarr 236; fix-Xagħra 159; fil-Qala 61; fiż-Żebbuġ 55; fl-Għarb u fil-Munxar 53; f’Ta’ Sannat 40; fil-Fontana 35; f’Kerċem 25; fl-Għasri 12 u f’San Lawrenz 8.
Il-Pulizija ma tat ebda ċitazzjoni f’Ta’ Pinu.
Għal mistoqsija oħra mix-Shadow Minister għal Għawdex, jirriżulta li b’kollox hemm 132 pulizija stazzjonati f’Għawdex.
//= $special ?>