Fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Mosta, li saret ftit tal-jiem ilu, tħabbar li politiku Niġerjan, Faruk Malami Yabo, inħatar bħala wieħed mill-Viċi Presidenti tal-klabb tal-Premier. Imma min hu Faruk?
Faruk twieled fit-30 ta’ Settembru tal-1969 minn ġenituri b’rabta mal-familja rjali ta’ Yabo, fin-Niġerja. Matul is-snin hu studja u avvanza fil-politika ta’ Yabo tant li saħansitra nħatar bħala Membru tal-Ordni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja.
Imma Faruk għandu wkoll interess fil-futbol tant li kif jidher f’dan ir-ritratt, hu patrun u membru ta’ FC Barcelona ta’ Spanja.
Permezz tal-futbol, b’mod speċjali Mosta F.C., dan il-politiku qed jimmira li jkompli jgħin liż-żgħażagħ Niġerjani biex jiżviluppaw il-karriera tagħhom.
Filfatt fil-Laqgħa Ġenerali Annwali Faruk qal li l-għan tiegħu f’Malta hu li jġib Niġerjani biex mhux biss jilgħabu f’Malta imma wkoll jitgħallmu u jieħdu l-edukazzjoni.
Il-ħidma ta’ Faruk maż-żgħażagħ ħalliet il-frott u tirrifletti wkoll f’numru ta’ unuri li ħa matul is-snin fejn fost l-oħrajn inħatar Ambaxxatur Internazzjonali taż-Żgħażagħ u ħa unur mill-Parlament Niġerjan għall-ħidma tiegħu maż-żgħażagħ. Hu wkoll iċ-Chairman tal-Youth Sports Federation of Nigeria.
Biex jgħinu fil-ħidma tiegħu ma’ Mosta, Faruk se jkollu lill-eks internazzjonali tan-Niġerja Tijani Babangida, li ħuħ Haruna diġa’ jilgħab mal-klabb.
Ilbieraħ Mosta ħabbru wkoll li ħatru lil Trevor Fenech, eks Team Manager ta’ San Ġwann, bħala t-Team Manager ġdid tal-klabb li se jkun qed jaħdem mill-qrib ma’ Adrian Farrugia bl-għan li joffru l-aqwa skwadra possibbli lill-kowċ ġdid Ivan Zammit.
Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).
//= $special ?>


