Internazzjonali

Jikkritikaw ‘l-iżbalji’ fil-film Jurassic World

Il-paleontoloġisti – esperti fl-istudju xjentifiku tal-fossili u l-ħajja li eżistiet sekli ilu – ma jidhrux daqstant impressjonati bil-film ġdid Jurassic World li jiftaħ tieqa oħra fuq it-tema tad-dinosawri.

Wara l-kummenti u l-analiżi dwar Jurassic Park, wieħed mill-ewwel films li trattaw l-istorja tax-xjenzati u d-DNA tad-dinosawri, dan il-film ġdid jitratta kreatura pre-istorika tal-biża’ li nħolqot mill-ġenetika tal-ispeċi differenti u li jisimha Indominus Rex.

Il-film jinkludi x-xeni eċċitanti tipiċi assoċjati mal-‘battalji kontra l-ġganti (f’dan is-sens id-dinosawri) iżda filwaqt li l-appell ma jonqosx, il-palaentoloġisti xorta ma żammewx lura mill-kritika.

Huma jargumentaw, fost oħrajn, li filwaqt li dawn il-films jiġġeneraw mill-ġdid l-interess fid-dinosawri, l-istorja ta’ Jurassic World tipprovdi ‘ideat strambi’ dwar kif kienu jgħixu tassew il-kreaturi fl-era Ġurassika. Fost il-ħafna ‘ineżattezzi’ f’dan il-film hemm il-kunċett li d-dinosawru feroċi tat-tip T-Rex ‘ma jistax jara lill-vittmi potenzjali tiegħu jekk jibqgħu wieqfa, mingħajr ma jiċċaqalqu’. Hemm anki xena, fil-film, fejn kreatura magħrufa bħala Velociraptor għandha l-kapaċita biex tiftaħ il-bibien u li wkoll spiċċat suġġetta għall-kritika.

Madankollu, Jack Horner, ix-xjenzat li hu direttament involut mal-produzzjoni tal-film, jinsisti li ħafna mill-kritika ta’ Jurassic World tibbaża fuq l-opinjoni aktar milli l-fatti.

* Fost l-atturi prinċipali fil-film Jurassic World hemm Chris Pratt, Bryce Dallas Howard, Vincent D’Onofrio u Judy Greer.