Ix-Shadow Minister Marthese Portelli ressqet quddiem l-Ispeaker tal-Parlament każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra l-Ministru Joe Mizzi wara allegazzjonijiet li għamel fil-konfront tagħha, bl-istess Ministru responsabbli mit-Trasport u l-Infrastruttura jibqa’ jirrifjuta li jissostanzjahom u lanqas ma jirtirahom.
Fil-Parlament fl-aħħar ħinijiet tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru Joe Mizzi ma weġibx mistoqsijiet b’rabta mal-pjani tal-gvern għal xogħlijiet fit-toroq imressqa minn Marthese Portelli, bil-Ministru Joe Mizzi jiftaħ attakk kontra x-Shadow Minister Marthese Portelli b’allegazzjonijiet fil-konfront tagħha dwar pożizzjonijiet li kellha fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli sostniet li għall-allegazzjonijiet li kien qed jagħmel il-Ministru Joe Mizzi, ta tweġiba l-Ministru fl-istess kabinett tal-Gvern, il-Ministru Leo Brincat, u talbet lill-Ministru Mizzi jara r-risposta li ta u li xxejjen l-allegazzjonijiet li kien qed jagħmel.
Għall-insistenza tax-Shadow Minister biex jiġu rtirati l-allegazzjonijiet, u għall-mistoqsija tal-Ispeaker jekk kienx se jirtira jew jissostanzja dak li kien qed jallega, il-Ministru Joe Mizzi ddikjara li mhux se jirtira xejn.
Kien f’dan il-mument li x-Shadow Minister Marthese Portelli ressqet talba lill-Ispeaker ta’ każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra l-Ministru Joe Mizzi.
//= $special ?>