Internazzjonali Unjoni Ewropea

Konfront bejn Ruma u Pariġi dwar l-immigranti

Franza qed tkompli tirrifjuta li tiftaħ il-fruntieri tagħha għal immigranti li żbarkaw fl-Italja u jridu jaqsmu lejn Franza. Dan għaliex qed isostni li dawn huma problema Taljana u l-Italja trid tieħu ħsiebhom.
Madwar 200 immigrant qed jorqdu fil-beraħ f’ Ventimiglia tul il-fruntiera bejn l-Italja u Franza u xi wħud mill-immigranti bdew strajk tal-ġuħ.
Il-Gvern Franċiż qed igħid li kien kompitu tal-Italja li tara li dawn ikollhom id-dokumentazzjoni li suppost u ssibilhom kenn peress li waslu bil-baħar fl-Italja.
Ħafna minn dawk miġbura f’ Ventimiglia huma mis-Sudan, l-Eritreja u l-Libja.
L-Italja bħalissa mhux qed tlaħħaq mal-ammont ta’ refuġjati li qed jaqsmu bil-baħar hekk kif fil-Libja l-kaos qed ikompli jikber.
Il-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea t-Tlieta se jiddiskutu l-kriżi tal-immigrazzjoni u l-Kummissjoni Ewropea qed tkompli tħeġġeġ lill-bqija tal-UE biex turi solidarjeta mal-Italja u pajjiżi oħra fil-Mediterran li huma effettwati minn mewġa ta’ immigrazzjoni. Imma apparti Franza, anki l-Awstrja żiedet il-kontrolli tul il-fruntiera mal-Italja. Il-Kummissjoni se tiddiskuti wkoll il-kwistjoni tal-fruntieri u l-fthiem ta’ Schengen f’laqgħa fil-magħluq li se jkun hemm mal-Italja, Franza u l-Ġermanja.
Barraminhekk, Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-immigrazzjoni, kiteb lill-pajjiżi membri biex iħaffu l-proċess ta’ deportazzjoni ta’ dawk li m’għandhomx dritt għall-kenn u li marru l-UE biss għal raġunijiet ekonomiċi ħalli jkun hemm post għal dawk li verament kellhom bżonn.
Amnesty International f’rapport li ħarġet qalet li din hi l-agħar kriżi ta’ refuġjati fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija u ċafret il-mexxejja dinjija talli qed jinjoraw kollox.