Għawdex Lokali Parlament

Kważi 6,000 dar vojta f’Għawdex

..u l-Gvern jibqa’ jiddeċiedi favur bini barra miz-zoni tal-iżvilupp

F’Għawdex biss hemm kważi 6,000 dar vojta li fihom ma jirresiedi ħadd.

Fi żmien li fil-pajjiż hawn dibattitu jaħraq għaddej dwar deċiżjonijiet tal-Gvern u dikjarazzjonijiet mill-istess Gvern favur żvilupp f’diversi zon għaliex jiddikjara li jkun fl-interess nazzjonali, qiegħed jirriżulta wkoll li numru sostanzjali u mhux żgħir ta’ djar mhumiex jintużaw, huma vojta u ma jirresiedi ħadd fihom.

L-informazzjoni dwar id-djar vojta f’Għawdex ingħatat fil-Parlament dan l-aħħar, meta x-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, staqsa lill-Ministru Edward Scicluna jgħid skont l-aħħar ċensiment, kemm hemm djar li ma jirrisiedi ħadd fihom f’Għawdex u għaldaqstant huma vojta

Jirriżulta li skont il-Census of Population and Housing 2011: Final Report, in-numru ta’ djar li ma jirrisiedi ħadd fihom f’Għawdex hu ta’ 5,996.

Dan hu ammont sostanzjali ta’ bini li hu vojt f’pajjiżna, u li dwaru, għandu jkun hemm politika li tindirizza din ir-realtà u b’mod partikolari, biex ma tintmissx art naturali.

Fl-aħħar xhur, il-Gvern semma diversi pjani li ħolqu kontroversji u dibattitu fuq livell nazzjonali, inkluż fil-gira ta’ Għawdex, u saħansitra wkoll reazzjoni mill-membri fuq l-istess bank tal-Gvern li qed jesprimu opinjoni differenti b’rabta ma’ stqarrijiet li għamel il-Prim Ministru dwar żviluppi barra miz-zoni ta’ żvilupp.