Lokali Parlament

Muscat jaħrab li jwieġeb dwar l-aġir tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fl-iskandlu ta’ Triq Zekka

Ma jgħidx lanqas x’mar jagħmel is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fl-Arġentina u jekk marx ma’ Marco Gaffarena

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-Prim Ministru jinforma lill-Parlament x’qiegħed jiġri taħt imnieħer Muscat stess u jikkonferma jew le dak li qal is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħu stess, Michael Falzon, dwar l-iskandlu ta’ Triq Zekka u l-proprjetajiet u l-kumpens li ngħataw lil Marco Gaffarena

Wara li llejla l-Prim Ministru qara fil-Parlament stqarrija ministerjali dwar is-summit bejn il-mexxejja Ewropej u l-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant, u summit ieħor mal-mexxejja tal-Amerika Latina, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa lill-Prim Ministru jagħti tagħrif b’rabta ma’ żjara li għamel fl-Arġentina s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru stess.

Filwaqt li qal li ma jaqbilx ma’ dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru li Malta m’għandhiex preżenza fl-Amerika Latina, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħu, Michael Falzon, għamel żjara fl-Arġentina.

Staqsa lill-Prim Ministru Muscat jgħid lill-Parlament meta s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon żar l-Arġentina, x’kienet l-iskop ta’ din iż-żjara, ma’ min mar u jekk marx ma’ ċertu persuna li ismu hu Marco Gaffarena.

Filwaqt li talab spjegazzjoni u informazzjoni dwar din iż-żjara tal-Gvern fl-Arġentina, talbu jikkonferma dak li qal is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li ltaqa’ ma’ Gaffarena qabel ma ngħalqet id-deal u qabel ma’ esproprija d-dar fi Triq Zekka.

Talbu wkoll jikkonferma dak li qal is-Segretarju Parlamentari li kien Gaffarena nnifsu u mhux il-Gvern li talab l-espropriazzjoni tal-proprjetà fi Triq Zekka; u li kien ukoll Gaffarena li għażel hu l-proprjetajiet li jingħata bħala kumpens; li għażel il-post f’Tas-Sliema u t-48,000 metru kwadru ta’ artijiet biex jingħatawlhu bħala kumpens għal nofs dar il-Belt, u dan minbarra nofs miljun fi flus kontanti li ngħata Gaffarena.

Simon Busuttil talab ukoll lil Muscat jikkonferma dak li qal Michael Falzon ukoll li impjegat politiku f’positon of trust ma’ Segretarju Parlamentari f’Kastilja, mar ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet.

Talab ukoll informazzjoni dwar kemm-il darba marret din il-persuna ma’ Gaffarena fid-Dipartiment, għaliex marret din il-persuna, u ma’ min tkellem fid-Dipartiment tal-Artijiet.

Talab lill-Prim Ministru jgħid kif se jerfa’ r-responsabbiltà politika hu u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għal dan l-iskandlu li hu akbar minn dawk li rajna tul dawn l-aħħar sentejn.

Simon Busuttil saħaq li r-responsabbiltà tal-Prim Ministru hi doppja għaliex hu Muscat ukoll il-Ministru tal-Artijiet.
Filwaqt li rrimarka li m’għandux ċans jistaqsi wkoll fuq iż-żjarat li mexxa l-Gvern fl-Ażerbajġan, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Prim Ministru Muscat għandu jwieġeb quddiem dan l-iskandlu, u jerfa’ r-responsabbiltà politika.

Fir-reazzjoni tiegħu, il-Prim Ministru Muscat qal biss li qed iħares ‘il quddiem li jkun hemm l-investigazzjonijiet kollha. Irrimarka wkoll li qed jistenna wkoll li minn dawn l-investigazzjonijiet joħorġu wkoll files tal-antik biex jintefa’ wkoll dawl anke f’każijiet oħrajn tal-passat.

Ikkritika lill-Oppożizzjoni li ma tkellmitx fuq dawn is-summits fl-istess waqt li ammetta li dawn is-summits mhumiex tal-aktar interess.