Lokali Parlament

“Rapport magħmul minn perit fantażma u minn planner fantażma f’pajjiż li suppost huwa trasparenti” – Michael Briguglio

“Dan ir-rapport huwa magħmul minn perit fantażma u minn planner fantażma f’pajjiż li suppost huwa trasparenti.”

Kien b’dan il-kliem li l-kelliem għall-Front Ħarsien ODZ Michael Briguglio ddeskrieva r-rapport tal-MEPA dwar l-għażla tas-sit taż-Żonqor għall-proġett tal-Università. Michael Briguglio għamel din id-dikjarazzjoni waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent li ltaqa’ nhar it-Tnejn filgħaxija biex jiddiskuti dan ir-rapport.

Matul il-laqgħa s-CEO tal-MEPA Johann Buttigieg kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet minn għadd ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista, rappreżentanti tal-AD u rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali.

Fuq mistoqsija ta’ Michael Briguglio, is-CEO tal-MEPA ddikkjara li fost dawk li fasslu r-rapport ma kienx hemm esperti fis-soċjoloġija, l-ekonomija, l-idroloġija, l-antropoloġija, l-agrikultura u t-trasport. Huwa kkonferma li r-rapport sar minn perit u planner iżda ma riedx jagħti isimhom.

Meta kien qed jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu, Michael Briguglio staqsa lis-CEO tal-MEPA kif iħossu dwar il-fatt li l-MEPA rrakkomandat art fejn kien skedat park nazzjonali u art ODZ għal dan il-proġett. Kien hawnhekk li s-CEO tal-MEPA qal li l-MEPA fir-rapport ma rrakkomandatx li l-Gvern jagħżel is-sit taż-Żonqor.

Din id-dikjarazzjoni wasslet lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex, waqt l-istess laqgħa, jakkuża lis-CEO tal-MEPA li qed jagħti informazzjoni skorretta minħabba li fir-rapport jingħad biċ-ċar li dan l-iżvilupp għandu jsir iż-Żonqor. “Huwa inaċċettabbli li l-ogħla uffiċjal tal-MEPA mħallas mit-taxxi tagħna lkoll jiġi hawnhekk u jagħti informazzjoni skorretta” saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ambjnet, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli dwar x’kuntatti saru u ma’ min, is-CEO tal-MEPA ddikkjara li huwa nnegozja personalment ma’ Sadeen Investments.

Mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Ryan Callus dwar jekk kienx jaf ta’ min hija l-art fiż-Żonqor, is-CEO tal-MEPA ddikkjara li huwa kien jaf li parti minn dik l-art hija tal-Lay Lay.

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli dwar l-għażla tas-sit, is-CEO tal-MEPA qal li f’Ottubru l-MEPA kellha talba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u r-rapport kien lest f’Novembru. Huwa qal li l-MEPA kellha ssib artijiet fix-Xlokk ta’ Malta b’minimu ta’ 50,000 metru kwadru li fil-maġġoranza tagħhom huma proprjeta tal-gvern. Huwa qal li issa l-MEPA ingħatat remit ieħor li ssib art fin-nofsinhar ta’ Malta ta’ madwar 25,000 metru kwadru.
Iċ-Chairman tal-AD Arnold Cassola qal li l-fatt li r-rapport sar f’erba’ ġimgħat turi s-“superfiċjalità enormi” tar-rapport. Huwa qal li jittama li r-rapport li jmiss dwar siti oħrajn ma jsirx bl-istess superfiċjalità u bl-istess nuqqas ta’ trasparenza.

Ir-rapport kien ikkritikat b’mod qawwi wkoll minn Alfred Baldacchino eks Direttur tad-Direttorat tal-Ambjent li sejjaħ ir-rapport bħala “rapport dilettantesk li ma jagħmilx ġieh la lil min kitbu u lanqas lill-MEPA” u li injora totalment lid-Direttorat tal-Ambjent fit-tfassil tar-rapport.

Matul il-laqgħa kien innotat mic-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari Marlene Farrugia li l-ebda kelliem tal-Gvern ma kien preżenti biex iwieġeb il-mistoqsijiet.

Il-laqgħa ġiet aġġornata għal jum ieħor.