Lokali Parlament

Seba’ każi ta’ frodi f’San Vincenz de Paul

Skrivan jingħata sospensjoni ta’ tlett ijiem u żewġ twissijiet jinbidlu f’waħda verbali

Fir-Residenza San Vincenz de Paul kienu rappurtati tmien każi ta’ frodi li kienu jinvolvu tmien persuni fir-Residenza San Vincenz de Paul, b’każ wieħed biss li rriżulta li ma kienx hemm każ.

Minn dawn is-seba’ każi konfermati wara investigazzjonijiet li saru, kien hemm azzjoni waħda biss ta’ sospensjoni, u li kien involut skrivan fil-Gardening Section Role u li kellu l-pożizzjoni ta’ Senior Clerk. Fil-konfront ta’ din il-persuna fid-dawl tal-investigazzjonijiet li saru, l-iskrivan ingħata sospensjoni mix-xogħol ta’ tlett ijiem.

Dan kien ikkonfermat mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, meta wieġeb fil-Parlament mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli.

Wara r-rapporti ta’ każijiet ta’ frodi li saru fir-residenza, u wara l-investigazzjonijiet li saru, kien hemm żewġ każi li fihom kien hemm twissija u tnaqqis fil-paga fil-konfront ta’ Senior Tradesman u Supervisor; kien hemm żewġ twissijiet fil-konfront ta’ Health Assistant u Social Assistant; u żewġ każijiet oħrajn – dak ta’ spiżjar u Senior Grade (Medical Class) – li wara li d-deċiżjoni kienet li tinħareġ twissija, din inbidelt f’waħda verbali.

Kien hemm każ rappurtat fil-konfront ta’ Health Assistant li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ma kien hemm ebda każ ta’ frodi.