Filwaqt li t-tattoos fuq il-ġisem ġieli jkunu espressjoni ta’ element essenzjali tal-karattru ta’ dik il-persuna, in-National Institute of Standards and Technology (NIST), ibbażat fl-Istat Amerikan ta’ Maryland, kompla jiżviluppa din it-teorija.
F’dan il-każ, in-NIST itenni li l-arti fuq il-ġisem (tattoo) tista’, litteralment, tgħin biex tikkonferma l-identita tal-persuna speċjalment f’każi kriminali.
L-analiżi forensika tat-tattoos hi importanti fil-każi fejn l-awtoritajiet jeħtieġu jidentifikaw lil xi vittma. L-istess analiżi hi importanti wkoll fl-impenji fejn iridu jsolvu delitt kif ukoll għall-ġbir tal-informazzjoni dwar il-gangs kriminali.
Jibqa’ l-fatt, iżda, li l-għarfien tat-tattoos hu diffiċli minħabba l-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-grafika tat-tpinġija. Il-metodu tal-cataloging (tat-tattoos) attwali jiddependi minn proċess li jibbaża fuq keywords li kapaċi jkun ikkumplikat u daqstant ieħor suġġettiv — dejjem skont id-disinn tat-tattoo u d-deskriżżjoni ta’ dak li jwettaq l-analiżi.
L-iskop tat-Tattoo Recognition Technology – Challenge (Tatt-C) hu li javvanza r-riċerka dwar it-teknoloġija li tirrikonoxxi t-tattoos. Dan jibbaża fuq il-proċess tal-automated image li jservi biex wieħed iqabbel it-tattoos u jikseb id-dettalji li jrid mir-ritratti jew il-grafika f’idejn l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi.
Il-parteċipanti li ħadu sehem f’workshop relatat semgħu r-riżultati ta’ prova preliminarja għal software eżistenti li ‘jagħraf it-tattoos’ u fejn l-FBI Biometric Center of Excellence (BCOE) ipprovda l-eluf tal-images lin-NIST. F’dan l-eżerċizzju, l-Istitut talab lis-sitt parteċipanti biex, fost oħrajn, jevalwaw il-kapaċita tal-algorithms li jirrikonoxxu t-tattoos mill-istampi waqt li jintużaw varjeta ta’ metodi.
Mifhum, iżda, li dan hu qasam partikolari li jirrikjedi dejjem aktar riċerka.
//= $special ?>