Internazzjonali

Żewġ Ingliżi maqtula jiġġieldu mal-militanti Iżlamiċi

F’temp ta’ jumejn żewġ Ingliżi tilfu ħajjithom jiġġieldu mal-militanti Iżlamiċi madwar id-dinja.
L-ewwel każ hu ta’ Talha Asmal ta’ 17-il sena minn Dewsbury li miet fl-Iraq meta wettaq attakk suwiċida.Asmal sar l-iżgħar ċittadin Ingliż li miet waqt li wettaq attakk suwiċida.
L-aħbar ingħatat mill-ISIS meta nħareġ filmat tal-attentat imwettaq minn Asmal, li fil-filmat kien identifikat bl-isem ta’Abu Yousef al Britan . Asmal kien telaq lejn is-Sirja flimkien ma’ ħabib tiegħu f’April. Miegħu nqatlu f’attakki suwiċida oħra fl-istess post f’Baiji f’Salahuddin, żagħżugħ mill-Ġermanja, Palestinjan u ieħor mill-Kuwajt. B’kollox kien hemm seba’ attakki suwiċida fl-istess postu kollha minn barranin. L-oħrajn kienu minn eksrepubbliċi Sovjetiċi.
It-Tnejn imbagħad sar magħruf li Thomas Evans ta’ 25, minn Buckinghamshire nqatel f’attakk tal-al-Shabaab f’Lamu fil-Kenja. Sorsi fir-Renju Unit qalu li ta’ 19-il sena, Evans kien ikkonverta għall-Iżlam imbagħad kien mar is-Somalja biex jissieħeb mal-al-Shabaab. Omm it-tifel kienet qed tikkopera mal-Pulizija Ingliża għaliex kienet imħassba li kien se jwettaq attakk suwiċida. Hi kienet stqarret li hu kien iffissa fuq l-Iżlam, tant li kien anki pprova jikkonverti lilha u meta rrifjutat ħadha kontriha.