Aktar minn 100,000 persuna rreġistraw s’issa għal tallinja card li aktar minn 40,000 persuna minnhom għandhom il-Kartanzjan. Ir-rispons tal-pubbliku kien wieħed inkoraġġanti ħafna u qabeż l-aspettattivi.
Minn għada, l-Erbgħa 17 ta’ Ġunju, il-klijenti se jibdew jirċievu t-tallinja card tagħhom bil-Posta. Dawn il-karti mhux se jkunu qed jitqassmu mill-Kunsilli Lokali kif kien tħabbar qabel. Il-karti se jintbagħtu bil-Posta anke jekk bi spiża akbar għall-kumpanija.
Flimkien mal-karta se jkun hemm fuljett informattiv li jispjega l-metodi differenti kif wieħed għandu jittoppja l-karta tiegħu.
Il-klijenti jistgħu jittoppjaw il-karta tagħhom immedjatament biex ikun żgurat li jkollhom kreditu biżżejjed meta jużaw il-karta tagħhom. Hemm erba’ modi kif il-klijenti jistgħu jżidu l-kreditu tagħhom, inkluż online, bl-użu ta’ top-up voucher u jċemplu numru speċjali, billi jżuru kwalunkwe uffiċċju tal-MaltaPost u billi jżuru kwalunkwe ticket booth tal-Malta Public Transport. It-top-up vouchers jistgħu jinxtraw minn aktar minn 1,000 ħanut madwar Malta u Għawdex, fosthom l-Agenda Bookshops u l-8 Till Late Convenience kif ukoll bosta stationers.
Il-Malta Public Transport tixtieq tħeġġeġ lill-pubbliku biex jirreġistraw għall-karta tagħhom biex jibbenefikaw mill-aħjar rata meta jużaw il-karozza tal-linja minn Lulju li ġej.
Għal aktar informazzjoni l-klijenti jistgħu jċemplu 2122 2000 jew iżuru tallinja.com.
//= $special ?>