Lokali Parlament

Fejn se naslu aktar?

Il-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-iskandlu ta’ Strada Zekka, u għall-aġir li mexa bih il-Gvern kontra ż-żewġ ħaddiema għaliex esprimu opinjoni differenti minn dik tal-Gvern

Id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius staqsa fil-Parlament fejn se naslu aktar quddiem skandlu wara ieħor li qiegħed ifeġġ taħt il-Gvern Laburitsa mmexxi mill-Prim Ministru Muscat.

Fl-Aġġornament ta’ nhar it-Tnejn li għadda, id-Deputat Nazzjonalista qal fil-Parlament li dawk li vvutaw biex jippruvaw lil Joseph Muscat, illum qed jiddubitaw ħafna quddiem skandlu wara ieħor li feġġ taħt it-tmexxija u taħt l-iggvernar ta’ Joseph Muscat.

Il-poplu u l-elettorat diġà esperjenza l-iskandlu tal-Australia Hall li ħa lura f’idejh il-Partit Laburista, il-mod kif ingħata l-kuntratt għat-trasport tas-servizz pubbliku u kif dan għadu moħbi; il-ħabi ta’ klawsoli tal-kuntratt ma’ Henley & Partners dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u l-bejgħ tal-passaport Malti; il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi bi €13,000 fix-xahar; id-deal skandaluża ta’ Cafè Premier li mexxa l-Prim Ministru stess; u l-aħħar skandlu marbut mal-proprjetà fi Triq Zekka u t-trasferimenti ta’ artijiet u flus kontanti li għaddew lil Marco Gaffarena.

Ħrafa elettorali l-wegħda ta’ Muscat li “tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna”
Sejjaħ bħala ħrafa elettorali l-wegħda ta’ Muscat li “tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna”. Gvern li ma tistax tafdah għax jgħidlek ħaġa u jagħmel oħra meta fetaħ attakk fuq impjegati tal-gvern għaliex allegatament jassoċjaw ruħhom mal-Partit Nazzjonalista.

Kampanja mill-Gvern kontra ħaddiema li ma jaqblux miegħu politikament
Fakkar lill-Prim Ministru Muscat li f’Malta teżisti demokrazija u soċjetà ħielsa li tippermetti lil kull individwu pajjiżna jassoċja ruħu ma’ liema partit irid hu. L-Oppożizzjoni mhi se tippermetti lil ħadd, u lanqas se tħalli lill-Prim Ministru jagħmel kampanja kontra ħaddiema tal-gvern sempliċiment għax ma jaqblux miegħu politikament.

Sejjaħ bħala assurdità rapport li ħaddiem ġie mġiegħel fuq il-post tax-xogħol biex jitlaq u jieħu forced leave, u ieħor jiġi sospiż. Fl-istess waqt, fid-Dipartiment tal-Artijiet isiru l-ħniżrijiet meta ħadd ma jiġi sospiż u ħadd ma joħroġ b’forced leave waqt li għaddejjin ukoll investigazzjonijiet.

Appella lill-Gvern li messu ħareġ forced leave lil min iddikjara fuq Facebook li huma “l-Kings tad-Dipartiment tal-Artijiet”. Fl-istess waqt, kompla jispjega David Agius, rajna l-ħanżirata ta’ Triq Zekka u dan wara l-iskandlu tal-Cafè Premier b’Muscat stess għamel deal ma’ min fallielu n-negozju u tah aktar minn €4 miljun.

Filwaqt li fakkar f’dak li kien qal il-Prim Ministru Muscat dwar l-iskandlu ta’ Cafè Premier, li kien bla esperjenza u għaġġel bħal fenek, l-iskandlu ta’ Triq Zekka l-fenek inbidel f’ħażnir li qed u jitħanżer kemm jiflaħ.

Irrifera għad-deal li sar dwar proprjetà fi Triq Zekka fil-Belt, bħala skandlu ieħor b’riħa tinten ta’ korruzzjoni u li dwaru fil-Parlament il-Prim Ministru lanqas ma ried iwieġeb.

Korruzzjoni istituzzjonalizzata
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qal li fil-pajjiż għandna korruzzjoni istituzzjonalizzata u staqsa jekk dan hux dak li wiegħed Muscat. Staqsa jekk dawk involuti f’dawn l-iskandli kinux fir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u kinux imwiegħda wkoll qabel l-elezzjoni.

Appella lill-Prim Ministru jerfa’ r-repsonsabbiltà politika dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka, u dwar l-aġir li mexa bih il-Gvern kontra ż-żewġ ħaddiema għaliex esprimu opinjoni differenti minn dik tal-Gvern.

Fakkar ukoll lill-Prim Ministru li issa li d-deal mill-Gvern sar b’rabta mal-iskandlu ta’ Triq Zekka, hi biss il-Qorti li tista’ tħassar kuntratti pubbliċi.

Semma wkoll il-kontroversja li għaddejja wkoll b’rabta mal-iżvilupp f’Żonqor Point, fejn minbarra l-art li hi naturali u verġni, hi art ukoll li s-sidien tagħha huma qrib ħafna tal-Partit Laburista.

Irrifera wkoll għal każ ieħor stramb li fih il-Gvern daħal bħala garanzija għall-privat ta’ €88 miljun għall-bini tal-power station f’Delimara. L-Oppożizzjoni se tibqa’ tistaqsi x’wassal lill-Gvern biex jagħti hu din il-garanzija.

Semma wkoll każijiet oħrajn jintnu, bħalma huma l-ħabi dwar min qed jingħata ċ-ċittadinanza Maltija, it-telf ta’ €14-il miljun f’xiri ta’ żejt ma’ kumpanija tal-istat tal-Ażerbajġan, il-karigi li l-Gvern ta bħala Chairperson ta’ awtoritajiet u aġenziji lid-deputati tal-gvern li mhumiex fil-Kabinett, u l-kodiċi ta’ etika għall-membri tal-Kabinett li baxxew l-istandards fit-tmexxija governattiva.

Appell lil min ipprova lil Muscat fl-aħħar elezzjoni
David Agius appella lil min ipprova lil Muscat fl-aħħar elezzjoni, jara x’qiegħed jiġri llum u jirrealizza li mhux biss dan il-Gvern ma jrid lil ħadd jitkellem, iżda lanqas ma jridna nivvutaw fl-elezzjonijiet tal-2017 tal-Kunsilli Lokali.

Appella wkoll lill-pubbliku jisma’ lill-Oppożizzjoni, janalizza dak li qed isir u jagħti risposta quddiem l-iskandli ta’ dan il-Gvern.