Lokali

Filmat: Michael Falzon siefer ma’ Mark Gaffarena meta kien Deputat Mexxej Laburista

Jekk fl-2004 Michael Falzon siefer ma’ Mark Gaffarena għall-kaċċa, dan ifisser li s-Segretarju Parlamentari siefer ma’ Gaffarena fiż-żmien meta hu kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Issa, fi żmien sena minn meta ħa postu fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat, Michael Falzon reġa’ ltaqa’ ma’ Gaffarena f’Kastilja.

Din l-informazzjoni tkompli titfa’ aktar dawl fuq ir-relazzjoni li hemm bejn Gaffarena u Falzon, bis-Segretarju Parlamentari jikkonferma fuq ix-xandir tal-Istat li hu kien siefer ma’ Gaffarena għall-kaċċa. Waqt il-programm Reporter, is-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna li siefer ma’ Gaffarena fl-2003 u fl-2004.

Ftit sigħat biss qabel din id-dikjarazzjoni, f’intervista mal-MaltaToday, Michael Falzon kien qal ukoll li hu ltaqa’ ma’ Mark Gaffarena matul l-aħħar sena fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja stess.