Lokali

Il-Kunsilli Lokali bla fondi jilmentaw mal-Gvern

Il-problema ta’ nuqqas ta’ fondi li qed jaffaċċjaw il-kunsilli lokali qed twassal għal problemi fil-lokalitajiet, ilmenti mir-residenti u nuqqas ta’ riżorsi biex iwettqu l-proġetti mwiegħda jew saħansitra jlaħħqu mal-affarijiet bażiċi bħal ġbir ta’ skart u manutenzjoni ta’ toroq.

Dan qaluh diversi Sindki li attendew għal laqgħa tal-kabinett li saret f’Birkirkara, fejn ghal din il-laqgha ingħalqu diversi toroq kif ukoll il-librerija li tinsab fiċ-ċentru ċiviku.

Fil-mira tas-sindki b’mod speċjali l-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi li spiċċa fiċ-ċentru tal-ilmenti minħabba l-problemi ta’ parkeġġ imma fuq kollox l-istat tat-toroq madwar Malta.

Filfatt il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza dawn l-ilmenti billi tkellem dwar kif f’pajjiżna “għandna ċirkostanza partikolari ħafna għax numru ta toroq huma fi stat ħażin ħafna.” Muscat qal li issa kunsilli lokali ma fadlilomx flus tant li qed isiru biss xogħlijiet b’emerġenza.

Fost l-iktar kritiċi, is-Sindku Laburista ta’ Santa Venera Stephen Sultana li semma’ kif il-kunsill lokali li jmexxi qed ibagħti minn burokrazija u nuqqas ta’ komunikazzjoni minn naħa tal-Gvern.

Semma’ kif twaqqfet devoluzzjoni ta’ art fi Triq il-Ferrovija, il-kunsill ma sabx ghajnuna biex jaghmel ċentru ċiviku, il-kunsill kellu żewġ ħaddiema tal-IPSL imma issa ttieħed ħaddiem minnhom u fil-lokalita’ m’hemmx biex tahdem.

Qal ukoll li l-kunsill qed isib prokrastinazzjoni u l-burokrazija saħansitra biex isewwi mqar bankina, rotot tal-linja twaqqfu minkejja li kienu jaqdu sew lir-residenti u kkritika wkoll lill-Gvern għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni wara li fost l-ohrajn sar jaf minn fuq it-televizjoni li se jsir stazzjon tat-tifi tan-nar fil-lokalita’.

Minn naħa tagħha s-Sindku tal-Imsida Margaret Baldacchino Cefai tkellmet dwar il-problema tal-iskart fil-lokalita’. Tkellmet ukoll fuq it-toroq residenzjali li saru arterji u kull patching li qed isir jerġa’ jinqala’.

Ikkritikat ukoll in-nuqqas ta’ risposta għall-ilment tal-kunsill li z-zebra crossing maġenb l-għassa tal-lokal tmexxiet għal kważi f’kantuniera u saret perikoluża.

Max Zammit, Sindku ta’ Ta’ Xbiex, semma’ kif sena u nofs ilu erba’ kunsilli lokali magħżulta mill-AKL ngħaqdu flimkien biex ħejjew rapport fuq il-problema tal-parkeġġ imma s’issa ma kellhom l-ebda risposta. Dan il-working group, li tiegħu kien chairman, għamel studju wara konsultazzjoni mal-kunsilli lokali kollha.

Qal wkoll li kemm ilu bħala Sindku, spiċċa jagħmel anke’ x-xogħol ta’ Segretarji Eżekuttivi għaliex ilu tul il-leġiżlatura kollha jaħdem mingħajr Segretarju Eżekuttiv full time.

Is-Sindku ta’ Ħal Lija Magda Magri Naudi wkoll ilmentat min nuqqas ta’ fondi u spjegat kif toroq arterjali jinsabu fir-responsabbilta’ tal-kunsill meta dawn għandhom bżonn manutenzjoni kontinwa li l-kunsill ma jiflaħx għaliha.

Is-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina appella għall-għajnuna tal-Gvern hekk kif il-Kunsill Lokali qed jiltaqa’ f’żewġ kmamar fuq l-għassa tal-lokal, f’sala li hi multi prupose għaliex tintuża wkoll bħala workshop, kitchenette u store fost l-oħrajn.

Il-bus lane tal-Gżira kienet fil-kritika tas-Sindku tal-Gżira li fakkar li apparti t-traffiku li din ħolqot, issa l-kunsill irid jiffaċċja l-problema ta’ fejn se jpoġġi l-gabbani li jintramaw tul ix-xatt.
Minn naha l-ohra s-Sindku Anthony Chircop appella biex tkun indirizzata l-problema tal-bejjiegħa tul il-Ferries li kkapparraw il-promenade bi stands biex ibiegħu l-biljetti.

L-istat tat-toroq kien fost l-ilmenti għar-rappreżentanti ta’ San Ġiljan hekk kif Naxxar Road trid issir waqt li Birkirkara Road inqalgħet mill-aġenziji tal-Gvern u tħalliet abbandunata.

Tony Dalli, Sindku tal-Iklin, fakkar lill-Gvern li l-kunsill għandu €40,000 imwarrbin għal binja tal-Kunsill Lokali imma ilu xhur twal wieqaf minħabba li l-MEPA qed tinsisti li l-proġett kollu jsir taħt l-art u baqa’ ma sema’ xejn dwar dan. Il-Kunsill weħel ukoll mad-Dipartiment tal-Artijiet minkejja li hemm kuntratt biex isir parkeġġ ġdid.

Semma’ wkoll kif il-kunsill Lokali ilu tliet xhur jistenna risposta dwar zebra crossing fi Triq Dun Karm li ġiet rilokata, u tliet xhur oħra biex isiru żewġ bozoz ma’ zebra crossing f’Naxxar Road.