Ambjent Lokali

Il-MEPA hijacked mill-Kap Eżekuttiv

Il-MEPA saret mission impossible biex tingħata informazzjoni

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus żvela fil-Parlament b’diversi każijiet u deċiżjonijiet jintnu, kif l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) saret hijacked mill-Kap Eżekuttiv hekk kif fisser li l-Awtorità saret “mission impossible” biex tingħata l-informazzjoni.

Meta llejla sar id-dibattitu dwar ir-rapport ta’ ħidma tal-MEPA, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, il-MEPA, l-Artijiet u l-Infrastruttura, esprima d-diżapprovazzjoni sħiħa tal-Oppozizzjoni għall-mod miskin u arroganti kif qegħda tiġi trattata fil-bord tal-MEPA.

Tkellem dwar it-talba li għamel u li giet miċħuda sabiex jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-persuni li għamlu parti mill-interviewing boards tal-promotions li ngħataw fil-MEPA f’dawn l-aħħar sentejn.

Il-Kap Eżekuttiv jaħtar il-membri tal-interviewing boards
Filwaqt li fisser li għandu jkun il-bord tal-MEPA li jaħtar il-membri tal-interviewing boards, semma li waqt seduta tal-bord tal-MEPA, iċ-Chairman sostna li kien il-Kap Eżekuttiv, Johann Buttigieg, li kien qiegħed jaħtar il-membri fuq il-Bord.

Dan ifisser, qal Ryan Callus, li għandna awtorità li giet hijacked minn persuna b’poter assolut. Staqsa lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jekk dan hux mod onest u ġust ta’ kif il-MEAPA qiegħda titmexxa u jaqbilx li dawn il-membri għandhom jibqgħu moħbija.

Semma wkoll li hu fatt jintenn ħafna li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA għażel lil min ried hu fuq l-interviewing boards, u ma jridx li l-Bord tal-MEPA jkun jaf min kienu dawk in-nies li għażel hu.

Ryan Callus sejjaħ ukoll bħala oxxenità li t-talba li ressaq hu fil-Bord tal-MEPA sabiex tingħata l-lista ta’ dawk li l-Kap Eżekuttiv għażel biex ikunu fuq il-bordijiet tal-interviews, tpoggiet għal vot, bil-maġġoranza tal-membri ntgħażlu sabiex ikunu huma stess fuq l-interviewing boards. Sejjaħ dan bħala kunflitt ta’ interess qawwi.

Semma wkoll kif il-Kap Eżekuttiv talab li l-Bord jingħata parir legali dwar dan mill-Avukat Robert Abela, bl-Avukat tal-MEPA jikkonkludi li mhix fl-aqwa interess tal-Awtorità.

Irrimarka li jekk Robert Abela jixtieq jitkellem partiġjan u jkun politiku, għandu joħroġ għall-politika u mhux juża, u wisq inqas jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu bħala Avukat tal-MEPA sabiex imexxi ‘l quddiem il-ħabi ta’ Gvern Laburista.

Daqstant ukoll fisser bħala oxxenità oħra li d-Deputat Laburista Joe Sammut, ir-rappreżentant tal-Gvern fuq il-bord tal-MEPA, sostna fil-bord li m’għandix tingħata l-informazzjoni għaliex tintużha għal skop politiku.

Sellem lill-membru Alex Vella, rappreżentant tal-għaqdiet ambjentali, li kien hu biss li miegħu vvutaw sabiex din l-informazzjoni tingħata, bil-membri l-oħra kollha jivvutaw biex l-informazzjoni tibqa’ sigrieta.

Staqsa għalfejn dan il-ħabi? Lil min qiegħed jipproteġi l-Kap Eżekuttiv u jekk hux qed jipproteġi l-għażliet li għamel hu?
Filwaqt li tenna li l-Oppożizzjoni mhix lesta li tiġi trattata b’dan il-mod mhux dinjituż, Ryan Callus tefa’ aktar dawl dwar għalfejn jista’ jkun qed isir dan il-ħabi.

Appelli ta’ inġustizzji
Ryan Callus sejjaħ bħala tal-mistħija li l-Bord tal-Appell jikkonkludi li saret inġustizzja ma’ disa’ ħaddiema tal-MEPA, u minflok ma’ jiġi assigurat kif titwettaq ġustizzja minnufih, jerga’ jibgħat il-każijiet quddiem il-bord tal-appell bl-iskuża li m’għandux biżżejjed informazzjoni. Dawn huma affarijiet li ma jsirux f’dinja demokratika.

Semma wkoll li l-bord tal-appell gie maħtur ukoll mill-Kap Eżekuttiv għaliex hawnhekk ukoll ma riedx jinvolvi lill-Bord tal-MEPA. Il-farsa hi li ħatru hu, iżda ma jridx jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Staqsa jekk hemmx bżonn li union, il-UĦM, tasal fi stat fejn ikollha tibgħat ittra legali liċ-Chairman tal-MEPA biex issir ġustizzja minnufih la nstab li saret inġustizzja.

Żewġ promozzjonijiet f’sentejn lil persuna viċin tal-Kap Eżekuttiv
Semma wkoll il-każ ta’ Ronnie Vella li huwa viċin ħafna tal-Kap Eżekuttiv, tant li tah żewġ promozzjoniijiet f’sentejn.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li Ronnie Vella qieghed jimmina l-imparzjalità tal-MEPA u qiegħed idaħal il-partiġjanizmu fil-MEPA. Fisser li hu inaċċettabbli li Ronnie Vella jmur jgħid lil applikanti dak li jintqal fil-bord tal-MEPA fis-sessjoni li tkun magħluqa għall-pubbliku, b’mod partikolari dwar proposti b’rabta ma’ applikazzjonijiet intenzjonati biex itejbu l-aspett tal-iżvilupp.

Fisser bħala inaċċettabbli li uffiċjal tal-MEPA fi ħdan l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv, jgħaddi din l-informazzjoni lil żviluppatur, jew applikant bl-intenzjoni partiġjana biex jagħmel ħsara lill-Oppożizzjoni. Staqsa lill-Prim Ministru jaħsibx li dan hu spija wkoll u jekk hux se jissospendih kif għamel ma’ żewġ ħaddiema oħra taċ-ċivil.

L-Oppożizzjoni mhix lesta li tibqa’ siekta quddiem dawn il-ħniżrijiet
Fil-preżenza tal-ogħla uffiċjali tal-MEPA fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista ddikjara li l-Oppożizzjoni mhix lesta li tibqa’ siekta quddiem dawn il-ħniżrijiet u mġiba ta’ uffiċjali li jimminaw il-ħidma tal-awtorità.

Żvela wkoll li kien il-Kap Eżekuttiv stess li għamel l-interview lil Ronnie Vella biex ikun jista’ jagħmel ħsara lill-awtorità għall-vantaġġ partiġjan tal-Partit Laburista. Saħaq li mhux se jibża’ mill-ebda uffiċjal li mingħalih għandu l-poter jagħmel li jrid.

Ryan Callus qal ukoll li fl-għażla tal-Kap Eżekuttiv li jagħżel lil Ronnie Vella, wettaq inġustizzja ma’ oħrajn, tant li dawn kellhom jirrikorru quddiem il-bord tal-appell sabiex jirreġistraw l-inġustizzja tagħhom għaliex ħassew li Ronnie Vella ġie aġevolat.
Kixef ukoll kif Ronnie Vella ġie preferut fuq persuna li hi gradwata u b’esperjenza fil-MEPA għaliex kien ilu sena jaħdem fl-Uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv għal sena, pożizzjoni li nghatat b’direzzjoni diretta u mingħajr sejħa.

Żewg promozzjonijiet f’ġurnata waħda
Ryan Callus kompla jiżvela każ ta’ persuna oħra, Marisa Darmanin, li tant hi kapaċi li ħadet żewġ promozzjonijiet f’ġurnata wahda.
Semma li din il-persuna tant ukoll hi tal-qalba tal-Kap Eżekuttiv, li fit-30 ta’ April 2014 applikat għal żewġ sejħiet f’daqqa – għal Senior Officer Administration Grade 7 u Principal Administration Grade 8, u ġiet l-ewwel fiż-żewġ sejħiet, u fil-5 ta’ Settembru 2014 qabżet minn grade 6, għal grade 7 u grade 8 f’ġurnata waħda.

Żvilupp propost fi stadju ta’ applikazzjoni kien diġà nbena mingħajr permess
Meta tkellem dwar min hi Marisa Darmanin, Ryan Callus semma kif ftit tal-ġimgħat ilu, il-Bord tal-MEPA kien qiegħed jiddiskuti applikazzjoni għal bini ta’ blokka kbira ta’ appartamenti. Wieħed mill-membri tal-Bord tal-MEPA informa lill-Bord li l-iżvilupp propost kien diġà nbena mingħajr permess.

L-oxxenità hi, saħaq Ryan Callus, li fil-mument li l-MEPA kienet qiegħda tikkunsidra applikazzjoni ta’ żvilupp daqshekk kbir, ħadd mill-awtorità ma kien jaf li nbniet blokka sħiħa ta’ appartamenti mingħajr permess.

Spjega wkoll li mhux konvint li l-MEPA ma kinitx taf bih għaliex fisser kif ftit minuti wara li dan il-membru tal-Bord tal-MEPA rrapporta din l-illegalità massiċċa, kien innutat li l-iżviluppatur kien diġà jinsab fl-bini taċ-Chairman tal-MEPA, b’Marisa Darmanin tpespislu f’widnejh.

Talab lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jispjega kif il-MEPA ma kinetx taf bl-illegalità, iżda kienet pronta sabiex tinforma fi ftit minuti lil min għamel l-illegalità. Staqsa xkien qed jagħmel l-iżviluppatur fil-blokk taċ-Chairman’ftit minuti wara li ġie żvelat dan l-iżvilupp illegali. Sejjaħ dan bħala oxxenità oħra li tinten għaliex minflok mal-MEPA marret fuq il-post immedjatament, l-iżviluppatur ġie l-MEPA fil-blokk taċ-Chairman.

Każ ieħor jinten fil-promozzjonijiet fil-MEPA
Kompla jiżvela każ ieħor jinten fil-promozzjonijiet li saru fil-MEPA meta ħarġet sejħa għal tnejn fil-grad ta’ Administrative Assistant Grade 5, u ftit wara, fit-8 ta’ Ottubru 2014, toħrog notifika li tavża li l-complement għal din is-sejħa ser jiżdied bi 17 għal 19.