Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna

Ritratt mill-arkivji

Fil-jum iddedikat għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani, l-Partit Nazzjonalista jieħu l-okkażjoni biex isellem l-anzjani kollha ta’ pajjiżna. L-anzjani, għall-Partit Nazzjonalista, dejjem kienu prijorità, kemm fil-Gvern kif ukoll fl-Oppożizzjoni, u dan permezz ta’ proġetti u inizjattivi li ttieħdu matul is-snin. Biżżejjed wieħed isemmi l-introduzzjoni f’pajjiżna tad-Djar tal-Anzjani, Ċentri ta’ Matul il-Jum u Night Shelters, flimkien ma’ servizzi immirati direttament lejn l-anzjani, bħalma huma t-Telecare, Meals on Wheels, Home Help, Handyman Service, u tant servizzi oħra, u dan sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista f’isem ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, u il-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar saħaq li fix-xhur li għaddew, il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni appoġġja l-ftit inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern fil-Parlament, u hekk se jkompli jagħmel fix-xhur li ġejjin. L-Oppożizzjoni se tkun qed tfassal ukoll u ġġedded il-politika tagħha, biex jitħejja programm għall-anzjani li jixirqilhom fis-snin li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li r-rispett u d-dinjità lill-anzjani tagħna mhux jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom. Fl-aħħar xhur, l-Oppożizzjoni tkellem u hekk se tibqa’ tagħmel, sabiex l-anzjani jingħataw ir-rispett li jixirqilhom. L-Oppożizzjoni tinsisti wkoll għat-trasparenza dwar kif l-anzjani jintgħażlu biex jingħataw sodda permanenti fid-djar tal-anzjani jew f’San Vinċenz de Paul.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem ukoll lil dawk kollha li jaħdmu jew jagħtu kontribut fil-qasam tal-anzjani, u jħeġġiġhom biex ikomplu jagħtu l-aqwa u l-aħjar lill-anzjani tagħna, għaliex l-anzjani hekk jixirqilhom. Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel skrutinju tal-Gvern, biex jassigura li kemm l-anzjani, kif ukoll il-ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani ma jsofru l-ebda inġustizzji.