Il-President tar-Rumanija qal li ma kienx jaf li l-Prim Ministru Rumen, Victor Ponta, kien se jmur l-Ażerbajġan biex jattendi l-Logħob tal-Ewropa li għaddejjin bħalissa, f’Baku.
Dan meta l-maġġoranza tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea ma attendewx l-inawgurazzjoni tal-avveniment (f’Baku) fost it-tħassib kbir dwar ir-rekord tad-drittijiet umani tal-Gvern Ażeri immexxi mill-President Ilham Aliyev.
Fil-fatt, Victor Ponta kien ivvjaġġa, nhar il-Ġimgħa, lejn Baku biex ikun preżenti għall-bidu tal-logħob. Dan seħħ proprju wara li hu kien żgiċċa minn vot ta’ sfiduċja fil-Parlament Rumen u waqt li kienu għaddejjin il-protesti kontra r-rekord tad-drittijiet umani tal-Ażerbajġan f’diversi bliet madwar id-dinja.
Il-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis, sostna bla tlaqliq li l-preżenza ta’ Ponta f’Baku kienet ‘żball oħxon’ minn aspett ta’ politika barranija.
Victor Ponta, li jmexxi l-Partit Soċjali Demokratiku tar-Rumanija, fl-aħħar jiem issemma f’investigazzjoni dwar il-korruzzjoni f’pajjiżu. Intant, qalbu għall-agħar ir-relazzjonijiet bejnu u l-President Iohannis, wara li Ponta ma laqax it-talba tal-President biex hu jirriżenja fid-dawl tal-investigazzjoni.
Il-prosekuturi qalu li Ponta hu suspettat dwar ħasil ta’ flus, frodi, evażjoni tat-taxxa u konflitt ta’ interess. L-allegazzjonijiet huma relatati għall-perijodu bejn l-2007 u l-2008 iżda, il-ġimgħa l-oħra, falla t-tentattiv biex titneħħielu l-immunita, bil-Prim Ministru Rumen anki jirnexxilu jegħleb vot ta’ sfiduċja.
//= $special ?>