Lokali

L-ISKANDLU TA’ STRADA ZEKKA : L-MDA tappella għal riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Il-Malta Developers Association (MDA) fi stqarrija b’referenza għal kontroversja li nqalgħet minħabba l-mod kif il-Gvern akkwista sehem ta’ proprjetà fi Triq Zekka, il-Belt Valletta, appellat biex issir riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet.

L-MDA qalet li filwaqt li tistenna li l-inkjesta interna tal-Gvern u l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali jwasslu biex jintefa’ dawl fuq iċ-ċirkostanzi tal-każ, madankollu l-MDA ma tistax ma tinnotax li l-mod kif id-Dipartiment tal-Artijiet ittratta dan il-każ kien wieħed diskriminatorju ma’ diversi ċittadini li kellhom il-proprjetà tagħhom esproprijata mill-Gvern jew li talbu biex jifdu ċnus. Dawn ilhom jistennew snin twal taħt diversi amministrazzjonijiet biex jingħataw id-drittijiet tagħhom. Dan wieħed irid jikkonsidrah ukoll fid-dawl tad-diffikultajiet kbar li ċ-ċittadin ordinarju jsib ma’ wiċċu meta jipprova jsib proprjetà tal-Gvern biex titpartat mal-proprjetà tiegħu, li tkun ġiet esproprijata.

L-MDA fl-istqarrija tappella lill-Gvern biex jagħmel riforma mill-qiegħ fid-Dipartiment tal-Artijiet biex dan ikun f’pożizzjoni jaqdi d-doveri tiegħu u jagħti servizz tajjeb liċ-ċittadini kollha.

L-MDA laqet id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru fejn qal li, jekk minn dawk l-investigazzjonijiet jinstab li saret xi ħaġa ħażina, dak li sar ikun irtirat u jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha li hemm bżonn.