L-Ispeaker Anġlu Farrugia waqqaf lill-membri tal-Gvern li kienu qed jirreaġixxu b’tisbit mal-imwejjed tal-bankijiet tal-Kamra għal ruling li kien għadu kemm temm jaqra u li fih ikkonkluda li ma kienx hemm każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra l-Ministru Joe Mizzi.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli nhar it-Tnejn li għadda qajmet każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra l-Ministru Joe Mizzi b’rabta ma’ kummenti u allegazzjonijiet li għadda meta l-istess Ministru Mizzi kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet supplimentari li saru minn Marthese Portelli dwar xogħlijiet fit-toroq u l-programm ippjanat ta’ xogħlijiet.
Il-Ministru Mizzi kien allega li fil-leġiżlatura li għaddiet Marthese Portelli kienet titħallas ta’ Bord li kienet fih u qatt ma kienet tkun preżenti.
Marthese Portelli immedjatament kienet irrimarkat li jidher li l-Ministru Mizzi qiegħed jaqra l-artikli tad-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela u li huma skorretti mill-bidu sal-aħħar.
Il-Ministru Mizzi baqa’ ma jridx jirtira dak li qal għat-talba tax-Shadow Minister Marthese Portelli biex jirtitra jew jissostanzja l-allegazzjonijiet li għamel.
Fir-ruling l-Ispeaker irrifera għar-regolamenti u l-proċeduri tal-Kamra, u jekk il-kummenti humiex insult jew nuqqas ta’ rispett lejn xi membru tal-Kamra.
Is-Sedja eżaminat biss dak li ntqal fil-Kamra, bl-Ispeaker jikkonkludi li dak li ntqal jitqies bħala battibekk u argument politiku bejn il-Ministru Joe Mizzi u x-Shadow Minister Joe Mizzi.
F’ruling ieħor li ta b’rabta ma’ każ li qajjem id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, li lmenta li meta nhar it-Tnejn li għadda kien dieħel fil-bini tal-Parlament ġie mblukkat minn ġurnalisti tal-media Laburista, l-Ispeaker qal li l-filmati li eżamina juru li d-Deputat daħal xorta fil-Parlament mingħajr ostakli filwaqt li rrimarka li l-ġurnalisti għandhom isegwu l-arranġamenti li jeżistu u ma jkunux ta’ xkiel għall-membri parlamentari.
//= $special ?>