Internazzjonali

L-Italja twissi lill-UE fil-kriżi tal-immigranti

Il-Ministri għall-Intern tal-Unjoni Ewropea qed jiltaqgħu fil-Lussemburgu biex jiddiskutu l-aħjar reazzjoni għall-kriżi tal-immigranti fil-Mediterran.

Il-Ministri mistennija jevalwaw pjan għad-distribuzzjoni aktar xierqa tal-immigranti li qed ifittxu l-kenn politiku madwar it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

L-Italja qed thedded li tieħu azzjoni determinata f’każ li ma jsir l-ebda ftehim. Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi qed jagħmilha ċara li jekk ma jseħħx ftehim, l-Italja għandha taddotta ‘Pjan B’ li għandu jaffettwa ħażin lill-kumplament tal-Ewropa.

Filwaqt li xi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huma favur ftehim biex madwar 60,000 immigrant jinqasmu b’mod ugwali fost 25 Stat tal-Ewropa, oħrajn qed jinsistu li l-immigranti ma jridux ikunu sfurzati jmorru f’pajjiż partikolari kontra l-volontà tagħhom.