Ambjent Lokali Parlament

Linja diretta bejn Kastilja u l-MEPA

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli ikkrtikat lill-Gvern għall-mod kif qed titmexxa l-MEPA taħt dan il-Gvern permezz ta’ linja diretta bejn Kastilja u l-MEPA. Konferma ta’ dan hi t-tallba li saret bil-fomm biss, u mingħajr ebda email, biex isir ir-rapport mill-MEPA fuq id-90 tomna art fiz-zona taż-Żonqor li se tingħata lil żviluppatur Ġordaniż.

Meta tkellmet fil-Parlament dwar id-dibattitu b’rabta mar-rapport tal-aħħar sena ħidma tal-MEPA, Marthese Portelli semmiet kif ir-rapport li ppreżentat il-MEPA dwar l-iżvilupp f’Ta’ Żonqor, tfisser bħala fażull, li jiżgwda u li hu tad-dilettanti, bil-MEPA tibqa’ taħbi dwar min ħadem fuq dan ir-rapport.

“Dan hu dak li jiġri meta jkun hemm linja diretta bejn Kastilja u l-MEPA”, saħqet ix-Shadow Minister li tkellmet ukoll dwar is-suppost viżjoni tal-MEPA biex tipproteġi, tħares u ttejjeb l-ambjent u kif għandha twettaq din il-viżjoni fil-missjoni tagħha b’dak li l-Awtorità ssejjaħ bħala responsabbiltà, sħubija u billi tħares biex tkattar kuxjenza favur il-ħarsien tal-ambjent.

L-Environment Protection Division twarrab u ma daħal imkien
Semmiet il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ddiskutiet ir-rapport tal-MEPA dwar l-iżvilupp f’Żonqor, u qalet li l-Environment Protection Division (EPD) twarrab u ma daħal imkien.

Staqsiet għaliex l-EPD inqabeż, ma kienx ikkonsultat filwaqt li staqsiet ukoll jekk il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA kellux idejh marbuta.
Semmiet li mhux biss l-Oppożizzjoni qed titkellem kontra l-iżvilupp f’Żonqor, iżda wkoll qed isiru diversi lmenti mill-għaqdiet ambjentali u mhux governattivi jappellaw lill-Gvern biex ma tintmissx din iz-zona taż-Żonqor.

Irriferiet għal dak il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA li ma setax jgħid min huma l-ismijiet fit-tfassil ta’ dan ir-rapport u saħqet li dan għaliex l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ordna biex tinżamm il-kunfidenzjalità. Staqsiet x’qiegħed jaħbi l-Gvern mill-poplu dwar dan ir-rapport?

Il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA ltaqa’ mal-iżvilupatturi kull ġimagħtejn
Irrimarkat ukoll li kien il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA li nnegozja mal-iżvilupatturi u li kien jiltaqa’ mal-Ġordaniżi kull ġimagħtejn, bil-Gvern illum jibqa’ ma jippubblikax il-ftehim li ffirma mal-iżviluppaturi bil-Gvern jibqa’ jgħid li jippubbikah meta jkun opportun għalih.

Dwar il-professjonalità li għandu jkollha l-MEPA, Marthese Portelli staqsiet fejn hi l-kontabbiltà u t-trasparenza tal-MEPA meta l-Partit Laburista wiegħed fil-Programm Elettorali li jrid itejjeb u jsaħħaħ l-aċċess ta’ informazzjoni b’mezzi online, u li kien qal li jemmen f’politika u politiċi ta’ responsabbilità u kontabbiltà.

F’sentejn telqu aktar minn 20 uffiċjal mid-Direttorat tal-Ambjent
Dwar l-EPD, Marthese Portelli qalet li f’sentejn telqu aktar minn 20 uffiċjal mid-Direttorat tal-Ambjent, ilu sentejn u aktar bla Direttur. Qalet ukoll li l-uffiċjali tal-EPD m’għadhomx ikunu preżenti fuq il-bord tal-MEPA, u dan juri li għall-Gvern l-ambjent qed jiġi relegat.

Irrimarkat ukoll kif id-Direttorat tal-Infurzar għadu wkoll bla direttur, u li fil-Planning Directorate f’sentejn u nofs ma ġiex appuntat Direttur.

Staqsiet jekk il-Prim Ministru hux konxju li uffiċjal għoli fid-Direttorat tal-Ippjanar kien imċaffar b’mod iebes mill-Awditur tal-MEPA Joe Falzon f’rapport li għamel dwar permess fuq kostruzzjoni ta’ għelieqi għat-tkabbir tad-dwieli u l-produzzjoni tal-inbid.
L-Awditur kien qal li l-case officers u t-tim ta’ maniġers involuti fil-każ ta’ din l-applikazzjoni, assessjaw kontra l-policies uffiċjali u żgwidaw u injoraw materja importanti – bl-awditur iċanfar lil persuna li ħadet promozzjoni fi ħdan id-Direttorat tal-Ippjanar.

Ix-Shadow Minister saħqet li fil-MEPA qed naraw ħafna oxxenitajiet iseħħu u esprimiet it-tama li d-dibattitu fil-Parlament iservi biex l-affarijiet jittranġaw. Ikkritikat lill-Prim Ministru li aktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed joħroġ il-karattru ta’ Gvern li mhux jimxi b’mod ġust fl-interess tal-poplu; u li m’għadux jemmen fl-għajta tat-trasparenza u l-kontabbiltà.

Sejħet lill-Prim Ministru li qed imexxi Gvern ta’ kliem biss iżda fatti xejn.

Marthese Portelli sostniet li hu dover tal-Oppożizzjoni li tibqa’ tiġbed l-attenzjoni tal-Gvern u appellat lill-Prim Ministru biex jagħti widen għal dak li qed jgħidu n-nies biex il-Gvern jirrispetta lill-poplu.