Lokali Parlament Saħħa

Ma jgħidx min għamel it-testijiet fuq il-ħitan taċ-Ċentru tal-Onkoloġija

Il-Ministru Konrad Mizzi ma qalx min għamel u meta saru t-testijiet meħtieġa fuq il-ħitan ta’ fejn se jingħataw ir-raġġi fiċ-ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei.

Għal mistoqsija fil-Parlament li saret mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Ministru Konrad Mizzi qal biss li saru t-testijiet ta’ żewġ zoni li se jakkomodaw il-linear accelerator, iżda ma qalx minn min saru u meta saru.

Claudette Buttigieg staqsiet ukoll meta hi l-iskadenza biex ma jintilfux il-fondi tal-Unjoni Ewropea allokati għaċ-Ċentru tal-Onkoloġija, bil-Ministru jwieġeb li l-fondi jridu jintefqu sa Diċembru ta’ din is-sena.

Mitlub jgħid jekk il-kuntratturi hux qed jitħallsu fil-ħin u jekk hemmx arretrati x’jitħallsu, il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb li x-xogħlijiet jitħallsu hekk kif ikunu ċċertifikati lesti.