Lokali Parlament

Paga ta’ €53,000 u jonqsu konsiderevolment it-telespettaturi ta’ TVAM

Skont l-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir jirriżulta li l-medja tat-telespettaturi fuq l-istazzjon nazzjonali li jaraw il-programm TVAM naqset konsiderevolment meta paragunat mal-udjenzi li kellu dan il-programm sa minn meta beda f’Ottubru tal-2011.

Minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament għal mistoqsija li għamel id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, jirriżulta li minn meta bidel il-format tiegħu dan il-programm, naqset konsiderevolment il-medja ta’ telespettaturi, bl-aħħar ċifri juru li huma medja ta’ 2,438 li fi Frar li għadda kienu jaraw dan il-programm li llum qiegħed jiġi preżentat mill-ġurnalista Norma Saliba.

Il-programm TVAM kien beda fl-iskeda ta’ Ottubru tal-2011, bil-preżentaturi kienu Pierre Portelli u Joe Mifsud, bil-medja kienet ta’ 3,380 telespettatur kuljum. It-telespettaturi żdiedu tul dik l-iskeda sa Ġunju ta’ wara, bil-medja tilħaq 5,362.

Filwaqt li bejn Ottubru u Diċembru tal-2012 il-medja kienet ta’ 2,400, fit-tliet xhur ta’ wara l-medja telgħet għal 5,200 – l-ogħla medja ta’ telespettaturi fi żmien ukoll li fih kien hemm il-kampanja elettorali. Il-programm kien kompla bl-istess preżentaturi sa Ġunju ta’ wara l-elezzjoni, bil-medja kienet ta’ 4,200 telespettatur kuljum.

F’Ottubru tal-2014, meta l-programm beda jsir minn ġurnalista waħda li tippreżenta l-programm, il-medja ta’ telespettaturi kienet niżlet għal 2,231, fi Frar kienet fil-livell ta’ 2,400 telespettatur kuljum, u fi Frar ta’ din is-sena l-medja kienet ta’ 2,438.

B’rabta mal-istess programm, f’risposti oħrajn li ngħataw fil-Parlament mill-Ministru Owen Bonnici, jirriżulta wkoll li l-ġurnalista li qed tippreżenta llum TVAM qed titħallas l-istess ammont li kienu qed jitħallsu ż-żewġ preżentaturi ta’ qabilha.

Skont l-informazzjoni li ngħatat, jirriżulta li Norma Saliba għandha salarju bażiku ta’ €23,000 u taqla’ €30,000 oħra għall-programm TVAM.

norma u manuel