Lokali

Politika nazzjonali li taġevola l-iżvilupp f’ODZ – Din l-Art Ħelwa

Din l-Art Ħelwa dwar l-aħħar abbozz tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp

Il-President tal-NGO ambjentali Din l-Art Ħelwa (DLĦ) iddeskriviet l-aħħar reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li se jieħu post il-Pjan ta’ Struttura bħala “pjan li jżid il-loopholes u jiftaħ beraħ it-triq għal żvilupp f’zoni fejn mhux suppost isir żvilupp”.

Simone Mizzi sostniet fi stqarrija li jekk dan l-aħħar abbozz li ġie ppreżentat jiġi approvat mill-Parlament, tkun qed titnaqqas – flok tiżdied – il-protezzjoni lil zoni ODZ, u kompliet tgħid li l-kwistjoni dwar l-iżvilupp propost fiż-Żonqor hija sintomu ta’ dan kollu.
“L-għan li jkollok Pjan ta’ Struttura hu li tirregola u tiddefinixxi l-użu tal-ispazju, u allura tal-art, għall-pajjiż fuq tul ta’ żmien. Gvern serju li jirrispetta lilu nnifsu jiżgura li pjan bħal dan jitfassal b’mod responsabbli biex jipproteġi l-art, li hija l-aktar riżorsa importanti tagħna. Madanakollu, li qed jagħmel il-Gvern hu proprju l-kuntrarju”.
Din l-Art Ħelwa kompliet tispjega li l-abbozz il-ġdid tfassal b’mod li proġetti li jkunu meqjusin bħala ‘mhux vijabbli li jsiru’ f’zoni urbani jkunu jistgħu jinbnew f’inħawi ODZ għax hemmhekk l-art hi irħas u aktar aċċessibbli – eżatt bħalma huwa l-każ ta’ Zonqor Point.
Il-President ta’ DLĦ kompliet li agħar minn hekk, l-aktar li qed jinkwieta lill-NGOs hu l-fatt li bl-istess mod, proġetti li jkunu meqjusa bħala ta’ natura ‘sostenibbli’, se jiġu permessi f’zoni ODZ ukoll.
Il-kriterju tas-sostenibbiltà, tgħid Simone Mizzi, huwa wiesa’ ħafna u ma jistax jiġi definit faċilment. Il-periklu hu li l-iskuża tas-sostenibbiltà tal-iżvilupp tibda tiġi applikata għall-parti l-kbira tal-proġetti u allura ssir legali kull tip ta’ kostruzzjoni f’ODZ, inkluż f’zoni rurali u mal-kosta li jibdew jiġu mfittxija mill-iżviluppaturi għax hekk ikun jaqblilhom finanzjarjament.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-għaqda reġgħet appellat biex il-klawsoli fl-abbozz tal-Pjan li jippermettu proġetti f’ODZ sempliċiment għax ma jkunux meqjusa vijabbli f’zoni urbani, jitneħħew. U titneħħa wkoll kull riferenza għat-termini “vijabbiltà u sostenibbiltà” mid-dokument.
Filwaqt li fakkret fil-protesta nazzjonali ta’ nhar is-Sibt quddiem il-Parlament, din l-Art Ħelwa appellat biex l-abbozz jintbagħat lura madwar il-medja u jerġa’ jinkiteb mill-bidu, u sakemm isir dan jiġi impost moratorju fuq kull proġett kbir ta’ kostruzzjoni fil-pajjiż.
“Fil-manifest elettorali qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Prim Ministru wiegħed ħarsien tal-ambjent, imma l-każ taż-Żonqor huwa prova li turi li l-intenzjonijiet tiegħu huma kompletament l-oppost”, ittemm tgħid l-istqarrija.