Ambjent Lokali Parlament

Tappella lill-Gvern inaddaf il-MEPA

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia appellat lill-Gvern inaddaf il-MEPA biex fi żmien sena oħra l-poplu jingħata rendikont u ħajja ġdida bil-lealtà li hemm bżonn li tinħoloq biex din l-awtorità tkun ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Marlene Farrugia kienet fost il-kelliema fil-Parlament fid-dibattitu dwar il-MEPA. Fissret li llum qed niddiskutu awtorità, il-MEPA, li kellha rilevanza enormi meta ġiet imwielda fid-disgħinijiet, u għandha aktar illum fl-2015.

Lill-poplu llum, saħqet Marlene Farrugia, irridu nikkonvinċuh li b’dak li qed ninvestu qed nilħqu mal-mission statement tal-MEPA – dak li jkun hemm il-ħarsien u t-titjib tal-ambjent ta’ pajjiżna.

Fissret li tinkwieta meta tara li minn meta twieldet, il-MEPA ntużat ħażin, u li wisq tibża’ wkoll li anke llum tista’ terġa’ taqa’ fin-nassa ta’ partiġjaniżmu politiku anke taħt dan il-Gvern.

Id-Deputata tal-Gvern fissret li l-MEPA llum hi magħmula minn nies li ma jistgħux joħorġu l-potenzjal tagħhom. Appellat biex inħallu lill-ħaddiema fil-MEPA jagħmlu d-doveri tagħhom u jkunu ħielsa mill-oppressjoni ta’ ħaddiema oħra li jħossu li biex iżommu posthom iridu jżommu mal-gvern tal-ġurnata u jonqsu li jaqdu dmirhom.

Irrimarkat li hi ħasra jekk jirriżulta dak li qal id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus – li ngħataw promozzjonijiet lil min ma kienx ħaqqu, jew ħaqqu anqas.

Appellat biex inħallu lill-MEPA taħdem b’mod awtonomnu u biex kull ħaddiem fil-MEPA jkollu sens sħiħ ta’ patrimonju lejn pajjiżu u ma jservi qatt lil xi partit politiku qabel lil pajjiżu.