Internazzjonali

Tmiem traġiku għal studenti wara li ċċedi gallarija

Ħames studenti Irlandiżi tilfu ħajjithom wara li ċediet bihom gallarija ta’ bini tal-appartamenti fil-Bay Area ta’ San Francisco, fl-Istat Amerikan ta’ Kalifornja. Il-gallarija kienet għolja madwar erba’ sulari u l-inċident ħalla wkoll numru ta’ midruba.

It-traġedja seħħet waqt li kien għaddej festin għal għeluq il-21 sena ta’ student fil-bini inkwistjoni, li tinsab fil-belt universitarja ta’ Berkeley. Il-Ministru Irlandiż għall-Affarijiet Barranin, Charlie Flanagan, tkellem f’Dublin u qal li l-mejtin kollha kienu marru l-Istati Uniti bil-visas temporanji. Ingħad ukoll li ħafna fost il-midruba jinsabu kritiċi u li qed isir minn kollox biex isalvawlhom ħajjithom.