Lokali Parlament Saħħa

780 ħaddiema fl-Isptar t’Għawdex jistaqsu dwar il-privatizzazzjoni

Huma aktar minn 780 il-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li għadhom qed jistaqsu dwar x’jista’ jiġri minnhom quddiem il-pjani dikjarati tal-Gvern għas-settur tas-saħħa, u li jinkludu d-deċiżjoni li l-Isptar t’Għawdex jiġi privatizzat.

Il-mistoqsijiet dwar dak li hu ppjanat mill-Gvern għall-futur tas-servizzi tas-sħiħa f’pajjiżna, ikomplu jikbru bin-nuqqas ta’ informazzjoni li tingħata mill-Ministru Konrad Mizzi, responsabbli mis-settur tas-saħħa.

Huwa rari li l-Ministru Konrad Mizzi jwieġeb il-mistoqsija kollha li ssir lilu mill-Oppożizzjoni. Eżempju ċar tal-mod kif il-Ministru Konrad Mizzi jagħżel li jwieġeb biss parti mill-mistoqsija, hu l-mod kif wieġeb il-mistoqsija li saritlu mix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, dwar il-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-Ministru Konrad Mizzi kien mitlub jgħid kemm hu llum in-numru totali ta’ ħaddiema, kemm dawk li huma impjegati pubbliċi u kemm dawk li huma impjegati mal-privat, li jaħdmu fuq bażi full time jew part time fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex; jgħid kemm minn dan in-numru totali huma impjegati fis-servizz pubbliku u kemm minn dawn huma impjegati mal-privat.

Chris Said staqsa wkoll lill-Ministru jaqsam dawn il-ħaddiema skont il-grad tagħhom u jgħid kemm hemm ħaddiema f’kull grad, u kemm kien in-numru totali ta’ ħaddiema fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fl-aħħar ta’ Diċembru 2012.

Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Mizzi għażel li jwieġeb biss dak li jrid hu. Ma qal xejn dwar in-numru ta’ ħaddiema li huma impjegati ma’ kuntratturi privati u jagħtu servizz fl-Isptar t’Għawdex. Dawn ukoll qegħdin jistaqsu dwar il-privatizzazzjoni ppjanata għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan minbarra li jeżistu wkoll ħafna mistoqsijiet oħrajn dwar il-kundizzjonijiet ta’ impjiegi li joffru l-kuntratturi privati fl-isptarijiet.

Jirriżulta li fl-aħħar sentejn u nofs, kienu impjegati 112-il ħaddiem ġdid li jinkludu tmien tobba, 56 infermiera, 19-il Emergency Ambulance Responder, 20 Allied Health & Supporting staff, u disa’ staff klerikali. Il-ħaddiema impjegati mal-Gvern fl-Isptar Ġenenrali t’Għawdex ilaħħqu total ta’ 782.

Il-Ministru Konrad Mizzi kien naqas li jgħid kemm saru laqgħat mal-unions li jirrappreżentaw il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex dwar il-privatizzazzjoni tal-istess Sptar, min kien preżenti għal dawn il-laqgħat u x’informazzjoni ngħatat lill-unions dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.