Lokali

Enemalta plc tibda t-twaqqigħ taċ-ċmieni tal-Marsa Power Station

Enemalta plc bdiet it-tieni fażi taż-żarmar tal-Marsa Power Station, bit-twaqqigħ ta’ żewġ ċmieni u tliet tankijiet tal-heavy fuel oil.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kuntratturi mqabbda mill-Kumpanija bdew it-tħejjija għat-twaqqigħ taċ-ċumnija li kienet tifforma parti mill-estensjoni tal-1966 tal-power station. Iċ-ċumnija issa qed titqatta’ biċċiet biex titniżżel fl-art b’makkinarju. Fl-istess waqt, it-tliet tankijiet taż-żejt qed jitnaddfu minn kull fdalijiet li fihom, biex ikunu jistgħu jiżżarmaw ukoll. Fejn hu possibbli, il-materjal li qed jiżżarma ser jintuża mill-ġdid jew jiġi riċiklat. Ċumnija oħra żgħira fl-istess parti tal-power station ukoll ser titwaqqa’ waqt dawn ix-xogħlijiet.

Iż-żarmar u t-twaqqigħ tal-Marsa Power Station beda f’Ottubru li għadda, meta Enemalta plc wittiet għadd ta’ strutturi, fosthom imħażen u ventijiet tal-arja, biex tinfetaħ triq għal maġenb it-tankijiet taż-żejt li qed jiżżarmaw dan ix-xahar. Malli twittiet din il-parti, fl-istess inħawi l-Kumpanija bdiet ukoll it-tħaffir u tqattigħ ta’ blat għall-pedamenti ta’ ċentru tad-distribuzzjoni ġdid, li ser jieħu post il-konnessjonijiet tas-sistema tad-distribuzzjoni li bħalissa jinsabu f’parti oħra tal-power station.