Lokali

FILMAT: Residenti rrabjati minħabba t-telqa li hemm f’Bormla

Illum waranofsinhar, għalqa ħadet in-nar fiż-żona magħrufa bħala San Gwann t’Għuxa, f’Bormla. Mill-ewwel fuq il-post waslu membri mid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-niren minnufih hekk kif l-għalqa tinsab biwit residenzi. Persuni li tkellmu ma’ maltarightnow.com qalu li f’din l-għalqa kien hemm ħafna skart minkejja d-diversi rapporti lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla biex inaddaf iż-żona.

In-nies li tkellmu ma’ dan is-sit esprimew ir-rabja tagħhom dwar l-istat li qed jgħixu fih, fiż-żona ta’ San Gwann t’Għuxa, f’Bormla. Dan hekk kif qabel l-elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista kien wiegħed li se jirranġa parti minn din iż-żona, iżda kif jidher fil-filmat, għadu ma sar xejn. Ir-residenti li tkellmu magħna qalu li ma jistgħux jissaportu aktar il-ħmieġ li spiċċaw jgħixu fih, bit-triq imħarbta, ħofor perikolużi u bi trakk partikolari li ta spiss imur jitfa ż-żibel f’din iż-żona, bir-residenti jirrapurtawh u tibqa’ ma ttihidx azzjoni.

Ir-residenti qalulna li kemm-il darba rrapurtaw dan kollu lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura iżda ħadd mhu jagħti każ l-istat li dawn in-nies qed jgħixu fih.