Lokali

Id-dejn nazzjonali jiżdied b’nofs biljun ewro taħt Gvern Laburista

Fis-sentejn ta’ gvern Laburista, id-dejn nazzjonali żdied b’nofs biljun. Dan sostnih il-Viċi-Kap għall-Ħidma tal-Parlament u Shadow Ministeru tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco fi stqarrija li fiha qal li d-dejn nazzjonali żdied minn €4.9 biljuni fl-2012 għal €5.4 biljuni fl-2014. Bejn l-2011 u l-2012, l-aħħar sentejn sħaħ ta’ Gvern Nazzjonalista, id-dejn nazzjonali żdied biss b’1.3% waqt li fl-2013 u l-2014, is-sentejn ta’ Gvern Laburista, id-dejn nazzjonali żdied bi 3. 4%.

Mario de Marco qal li din iż-żieda ma kinitx riżultat ta’ investiment fl-infrstruttura tal-pajjiż iżda minħabba l-infieq rikorrenti tal-gvern. Jirriżulta li n-nefqa fis-settur pubbliku se tiżdied b’€127 miljun f’sentejn propju b’riżultat tal-fatt li gvern laburista impjega 4500 persuna mal-gvern fl-aħħar sentejn. Anki l-infieq tal-entitajiet pubbliċi żdied fl-aħħar sentejn mingħajr ebda titjib fis-servizzi offruti lill-pubbliku. Eżempju żar ta’ dan hu s-sussidju fit-trasport pubbliku li trippla minkejja li ma kien hemm ebda titjib tanġibbli fis-servizz.

Mario de Marco sostna li anki l-iskandli tal-Cafè Prmeier u ta’ Gaffarena wasslu biex tiżdied in-nefqa tal-gvern u allura jiżdied id-dejn nazzjonali.