Il-Bank Ċentrali Grieg għall-ewwel darba wissa li l-pajjiż ma jinsabx biss fit-triq li jfalli iżda li joħroġ miz-zona ewro wkoll, minn fost il-pajjiżi li jużaw l-ewro, kif ukoll minn membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif it-Tlieta, il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras (ritratt) fil-Parlament kellu kliem iebes fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali hekk kif iż-żewġ naħat għadhom ’il bogħod minn ftehim. Imma d-data sa meta l-Greċja trid tħallas id-dejn hi viċin u l-IMF mhux lest isellef aktar flus lill-Greċja sakemm din ma twettaqx aktar riformi, fosthom il-qtugħ fil-pensjonijiet.
Dan in-nuqqas ta’ ftehim qed jimblokka l-għoti ta’ 7.2 biljun ewro lill-Greċja. Mingħajr dawn il-flus, il-Greċja tfalli.
Barra minn hekk, hekk kif il-kriżi kibret, il-Bank Ċentrali żvela li bejn Ottubru u April mat-30 biljun ewro nħarġu mill-banek Griegi. Il-Bank wissa wkoll li mingħajr ftehim, l-istaġnar ekonomiku fil-Greċja kien se jikber.
Ilbieraħ mar il-Greċja l-Kanċillier tal-Awstrija Werner Faymann biex jagħmilha ta’ medjatur.
Hu mar Ateni hekk kif illum il-Ħamis se jkun hemm laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi taz-zona ewro. Fiha mistennija jittieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-kriżi Griega.
IL-GREĊJA: Iwissi li mhux biss tista’ toħroġ mill-ewro iżda mill-UE wkoll
